Futbol lokali
Tasal l-ewwel rebħa ta’ Birkirkara

KAMPJONAT BOV PREMIER 2019/20

Hibernians……0

Birkirkara…….1

Birkirkara rnexxielhom jiksbu l-ewwel tliet punti tal-istaġun wara li għelbu lil Hibernians bl-iskor ta’ 1-0.

Kienet partita li laqqgħet kontra xulxin żewġ timijiet li kellhom il-ferħ u l-imrar f’dawn l-ewwel ħames logħbiet tal-kampjonat. Birkirkara kienu għadhom ma rebħux logħba u kienu jinsabu fin-naħa t’isfel bi tliet punti biss. Madankollu fl-aħħar logħba kontra Valletta kien hemm sinjali ferm pożittivi speċjalment fit-tieni taqsima fejn l-Istripes kienu ferm viċin li jiksbu l-ewwel tliet punti li ma kienx għall-gowlkiper ta’ Valletta Henry Bonello.

Hibernians bdew jirpiljaw wara bidu mhux daqstant tajjeb. Huma ġejjin minn żewġ rebħiet konsekuttivi sabiex pattew għat-telfa xejn mistennija kontra Sirens u kienu jinsabu biss punt bogħod mil-liders Ħamrun u Floriana.

Iż-żewġ naħat ma kellhomx problemi fil-formazzjoni tagħhom b’Sanderra u Paus li setgħu jinkludu l-aqwa elementi tagħhom.

Fir-raba’ minuta kien Grech għal Hibs li għadda lejn in-nofs iżda Nanni naqas milli jikkonnettja.

Mal-kwarta logħob kien Leonardo Nanni ta’ Hibernians li ra lil Hogg isalva tajjeb ix-xutt qawwi tiegħu.

Birkirkara joħolqu l-ewwel okkażjoni tagħhom fl-24 minuta meta Caio Prado rebaħ ballun u għadda lejn Briffa li x-xutt preċiż tiegħu ġie mxejjen minn Calleja Cremona.

Fis-26 minuta kien hemm nuqqas ta’ ftehim bejn il-gowlkiper Calleja Cremona u d-difensur Apap ta’ Hibs b’Caio Prado japprofitta iżda l-ballun imurlu għoli.

Fil-31 minuta reġa’ kien il-keeper Karkariż Hogg li ġie msejjaħ fl-azzjoni meta salva xutt tajjeb ta’ Nanni.

Birkirkara marru fil-vantaġġ fis-36 minuta meta kien Caio Prado li għadda lejn Falcone li avvanza tajjeb u b’xutt fil-baxx għar-rokna għeleb lil Calleja Cremona.

1-0 favur Birkirkara u hekk intemmet l-ewwel taqsima.

U hekk kif bdiet it-tieni taqsima kienu l-Istripes li setgħu skorjaw li kieku Caio Prado ma tfixkilx fil-ġid meta wara li qabeż lil Calleja Cremona tfixkel f’siequ u l-azzjoni sfumat fix-xejn.

Fl-84 minuta, id-difensur Karkariż Enrico Pepe naqas milli jikkonnettja frikik tajjeb ta’ Roderick Briffa.

Fit-88 minuta, kien Andrew Hogg li salva b’mod impekkabbli xutt ta’ Terence Groothusen.

Lejn l-aħħar tal-partita tkeċċa l-plejer ta’ Hibernians Joseph Mbong wara fawl fuq Maurizio Vella.

It-tisfira tar-referi kienet balzmu għall-plejers u diriġenti Karkariżi li sa fl-aħħar setgħu jiċċelebraw l-ewwel rebħa fil-kampjonat Premier.

Riżultat Finali: Hibernians 0 Birkirkara 1

BOV Plejer tal-Logħba kien Caio Prado ta’ Birkirkara

Referi kien Alan Mario Sant.

Miktub minn...
TVM Sport
.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

SUPER CUP 2019/2020 Birkirkara………5 Mġarr United ..0 It-tim tan-nisa ta’ Birkirkara komplew fejn ħallew fl-istaġun li għadda meta għelbu lil Mġarr United bl-iskor ta’ 5-0. Din kienet l-ewwel darba li…

Futbol lokali

KAMPJONAT BOV PREMIER 2019/20 HIBERNIANS…..2 GŻIRA UTD……..0 Hibernians kisbu rebħa importanti kontra Gżira United biex issa jinsabu punt biss warajhom fit-tielet post tal-klassifika u b’punti daqs Sirens. Fil-11 il-minuta xutt…

Futbol lokali

KAMPJONAT BOV PREMIER 2019/20 Santa Lucija…0 Balzan…………3 Fl-ewwel partita li kellna fil-Hibs Stadium f’Kordin, Balzan għelbu lil Santa Lucia bl-iskor ta’ 3-0. Balzan kienu ġejjin minn draw kontra Hamrun filwaqt…

Futbol lokali

KAMPJONAT  BOV PREMIER 2019/2020 Birkirkara………….2 Sirens……………….0 Birkirkara reġgħu rritornaw għar-rebħ meta mingħajr xi diffikultà partikolari għelbu lil Sirens bl-iskor ta’ 2-0. Kien hemm differenza ta’ 11-il punt fil-klassifika bejn dawn…

Aktar