Tazza tad-Dinja 2018
Tazza tad-Dinja 2018 – L-aħħar aħbarijiet mir-Russja

Filwaqt li diversi timijiet minn pajjiżi differenti fl-aħħar jiem qegħdin jaslu fir-Russja sakemm tibda t-Tazza tad-Dinja jumejn oħra, hekk ukoll qegħdin jaslu diversi uffiċjali tal-pulizija mill-pajjiżi li qegħdin jieħdu sehem sabiex iwaqqfu kull attent ta’ ġlied li jista’ jkun hemm, kif ukoll xi theddid t’attakki minn militanti.

Ir-Russja għamlet ċert li fil-ħdax-il belt fejn se jsir il-logħob ikun hemm eluf ta’ pulizija, mhux biss Russi imma wkoll minn dawk il-pajjiżi li t-timijiet tagħhom se jkunu qegħdin jikkompetu f’dik il-belt partikolari. Iċ-Ċentru ta’ Koperazzjoni tal-Pulizija kien inawgurat it-Tlieta f’Moska, u dan se jservi bħala ċ-ċentru tal-komunikazzjoni għall-forzi tal-pulizija barranin. Fil-fatt, żewġ uffiċjali minn kull pajjiż se jkunu stazzjonati f’dan iċ-Ċentru sabiex ikunu jistgħu jikkomunikaw dirett mal-uffiċjali tal-pulizija li se jkunu fit-toroq tal-ibliet differenti.

U nhar il-Ħamis li ġej, fil-logħba tal-ftuħ, se sseħħ xi ħaġa mhix tas-soltu fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja. Dan għaliex l’hekk magħrufa ‘ball boys’, din id-darba se jkunu kollha tfajliet minn timijiet tal-futbol femminili differenti Russi. L-erbatax-il tfajla se jkunu qegħdin jitfgħu l-blalen lura lejn il-plejers Russi u tal-Arabja Sawdija, sitwazzjoni xi ftit diffiċli għalihom meta huma aktar imdorrija jixxuttjaw il-ballun milli jitfgħuh b’idejhom.

It-tfajliet li għandhom bejn it-13 u 16-il sena ġejjin mill-villaġġ t’Agryz, villaġġ ta’ 19,000 persuna u kienu magħżula mit-tim nazzjonali Russu.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm Kontrattakk.
Aħbarijiet Oħra
Aktar