Tazza tad-Dinja 2018
Tazza tad-Dinja 2018 – l-aħħar aħbarijiet

Ftit jiem biss ‘il bogħod mill-bidu tat-Tazza tad-Dinja 2018, u t-tim Franċiż, l-Erbgħa filgħodu, ippoża għar-ritratti qabel ma jħalli l-pajjiż u jmur lejn ir-Russja. Din kienet l-ewwel dehra fil-media għad-difensur Raphael Varane li għadu kif ingħaqad mat-tim wara li s-Sibt li għadda kien ir-rebbieħ tal-UEFA Champions League flimkien mat-tim ta’ Real Madrid. Les Bleus għadhom kif rebħu partita ta’ ħbiberija kontra l-Iżlanda t-Tnejn li għadda bl-iskor ta’ 2-0. Il-Franċiżi fadlilhom jilagħbu żewġ logħbiet oħra ta’ ħbiberija qabel imorru r-Russja, l-ewwel kontra l-Italja mbagħad kontra l-Istati Uniti.

U l-Peru komplew il-preparamenti tagħhom bil-kbir għat-Tazza tad-Dinja, meta t-Tlieta filgħaxija huma għelbu lill-Iskozja bl-iskor ta’ 2-0 f’partita ta’ ħbiberija. Il-Peruvjani se jkunu qegħdin jerġgħu jikkompetu fit-Tazza tad-Dinja wara nuqqas ta’ 36 sena. U għalkemm it-tim kien ixxukkjat bl-aħbar li l-captain Paolo Guerrero ttestja pożittiv għall-kokaina li tinstab fit-te, u allura probabbli se jitlef il-kompetizzjoni, il-partitarji xorta waħda kienu fl-aħjar tagħhom fil-logħba kontra l-Iskozja. Il-Peru issa fadlilhom jilagħbu kontra l-Arabja Sawdija u l-Iżvezja.

U fir-Russja huwa mistenni li eluf kbar ta’ persuni fil-jiem li ġejjin se joħonqu l-ibliet ta’ dan il-pajjiż sabiex isegwu lit-timijiet ta’ pajjiżhom. F’Yekaterinburg, wieħed mis-sidien tal-lukandi ddeċieda li jipprovdi lukanda tal-kapsoli. Din tista’ tkun soluzzjoni rħisa għal min ma jridx jonfoq ħafna flus fir-Russja. Dawn il-kapsoli, se jkunu mgħammra b’kollox, inkluż televixin, air-condition u safe minħabba l-oġġetti prezzjużi tal-individwi. S’issa fil-lukanda diġa’ hemm tnax-il kapsola, fejn hemm minnhom li jżommu żewġ persuni. Għal kull lejl, bil-prezz ta’ €9 jista’ jkollok sodda, għal €11 ikollok anke t-televixin, filwaqt li kapsula doppja tiswiek €17.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm Kontrattakk.
Aħbarijiet Oħra
Aktar