
GRUPP Ċ
Franza…..1
Peru……..0
Il-mixja tal-Franċiżi tibqa’ għaddejja mhux biss fit-Tazza tad-Dinja imma anke fir-riżultati pożittivi kontra timijiet mill-Amerika t’Isfel. Franza ilhom ma jitilfu kontra tim Sud Amerikan għal dawn l-aħħar 40 sena u llum fl-Ekaterinburg Arena għelbu lill-Peru bl-iskor ta’ 1-0. Għal Peruvjani din kienet it-tieni telfa fil-grupp, u għalkemm issa ċerti mill-eliminazzjoni, se joħorġu minn din l-edizzjoni b’rashom mgħollija.
Mas-seba’ minuta l-Peru kellhom l-ewwel ċans tal-logħba meta Guerrero ra lil Lloris barra minn postu u prova jagħmel lob, imma l-ballun għadda ftit għoli. 11-il minuta u Franza laqtu x-xibka minn barra meta Giroud qassam lejn Griezmann, biss ix-xutt tal-plejer t’Atletico Madrid spiċċa barra. 15-il minuta u reġgħu kienu l-Franċiżi, din id-darba permezz ta’ Griezmann li tefa’ l-corner, b’Varane jogħla tajjeb imma d-daqqa ta’ ras tiegħu spiċċat għolja. Wieħed u tletin minuta u Lloris salva lil Franza milli jmorru min taħt meta Cueva għadda mix-xellug, tefa’ l-ballun lura fil-kaxxa u Guerrero wara li dar m’Umtiti spara fil-baxx u l-goalkeeper salva. Imma kienu Franza li sabu x-xibka l-ewwel fl-34 minuta. Giroud kien se jipprova jikkonkludi, l-ballun ddevja ma’ saqajn Rodriguez u bil-goalkeeper megħlub daħal Kylian Mbappe li f’lasta vojta tefa’ fix-xibka għal 1-0, il-plejer li kien għadu qas twieled meta Franza l-aħħar rebħu t-Tazza tad-Dinja fl-1998. Fil-fatt Mbappe sar l-iżgħar plejer għal Franza li qatt skurja f’edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja jew tal-Kampjonati Ewropej. 44 minuta u Franza setgħu rduppjaw meta Hernandez prova jitfa’ fix-xibka imma Gallese rnexxielu jtajjar momentarjament, Giroud b’sidru reġa’ waqqa’ f’saqajn Hernandez li iżda mbagħad ix-xutt tiegħu għadda barra.







Fil-51 minuta l-Peru kienu verament viċin li jġibu l-iskor indaqs meta Farfan għadda l-ballun lejn Aquino li b’xutt bomba ċaqlaq il-wieqfa u l-ballun spara għal barra. 74 minuta u reġgħu l-Peru meta Carrillo tefa’ cross lejn Farfan li iżda x-xutt fuq id-dawra tiegħu ħabat max-xibka minn barra. U għalkemm il-Peruvjani pruvaw b’dak kollu li jafu, xorta waħda ma rnexxilhomx jinfdu d-difiża Franċiża biex ħarġu telliefa 1-0.


Franza – Lloris(GK)(c), Pavard, Varane, Umtiti, Pogba (Nzonzi 89’), Griezmann (Fekir 79’), Giroud, Mbappe (Dembele 75’), Kante, Matuidi, Hernandez – Didier Deschamps (coach)
Peru – Gallese(GK), Rodriguez (Santamaria 46’), Trauco, Cueva (Ruidiaz 82’), Guerrero(c), Ramos, Advincula, Carrillo, Yotun (Farfan 46’), Flores, Aquino – Ricardo Gareca (coach)
Referee – Mohammed Abdulla Hassan (UAE)
Assistenti – Mohamed Al-Hammadi (UAE), Hasan Al-Mahri (UAE)
Raba’ Uffiċjal – Janny Sikazwe (ZAM)
VAR – Daniele Orsato (ITA)
Assistenti tal-VAR – Abdulrahman Al-Jassim (QAT), Taleb Al-Marri (QAT), Szymon Marciniak (POL)