Rugby
Tazza tad-Dinja tar-Rugby 2023 – New Zealand fl-istess grupp ma’ Franza

New Zealand ser jaffaċċjaw lill-pajjiż ospitu fl-ewwel stadju tat-Tazza tad-Dinja tar-Rugby 2023. It-tliet darbiet champions tad-dinja u wieħed mill-aqwa timijiet fid-dinja tar-rugby ser jilgħab kontra Franza, bit-tnejn li huma mistennija jgħaddu mill-fażi tal-gruppi meta ttellgħu l-poloz matul il-ġurnata tat-Tnejn.

Iċ-champions renjanti, l-Afrika t’Isfel, telgħu fl-istess grupp mal-Irlanda u l-Iskozja, filwaqt li l-Ingilterra ser tilgħab kontra l-Arġentina u l-Ġappun. Wales ser jerġgħu jaffaċċjaw lill-Awstralja, u din hija r-raba’ darba li dawn it-tnejn qed jiltaqgħu fl-aħħar ħames tournaments. Fl-istess grupp hemm ukoll Fiji li jafu joffru sfida denja liż-żewġ timijiet.

Tliet snin oħra ser issir l-10 edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tar-Rugby, u b’kollox ser issir f’disa’ bliet differenti, bejn it-8 ta’ Settembru u l-21 t’Ottubru, bil-finali ssir f’Pariġi. Din hija t-tieni edizzjoni li qed tospita Franza wara li diġà ospitat it-Tazza tad-Dinja tal-2007.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA