
Futbol internazzjonali
Tazza tar-Re – Athletic Bilbao fil-finali wara rebħa fuq Levante
Tazza tar-Re – Semifinali
Levante 1-2 Athletic Bilbao (wara l-ħin barrani) (agg. 1-2)
Athletic Bilbao ser jiltaqgħu kontra Barcelona fil-finali tat-Tazza tar-Re meta fit-tieni semifinali għelbu lil Levante 2-1. Kienu Levante li fetħu l-iskor l-ewwel, fis-17-il minuta Roger sab ix-xibka wara li rċieva mingħand Rochina. Il-vantaġġ ta’ Levante dam biss 13-il minuta għax man-nofs siegħa logħob Garcia ġab l-iskor indaqs mill-11-il metru u hekk baqgħu sal-mistrieħ.
Fit-tieni taqsima l-ebda tim ma seta’ jsib ix-xibka u minħabba li sad-90 minuta l-iskor kien għadu 1-1, il-konfront għadda għall-ħin barrani. Il-gowl tar-rebħa t’Athletic wasal fil-112-il minuta minn Berenguer, biex b’hekk huma għaddew għall-finali tal-kompetizzjoni.