Futbol internazzjonali
Tazza tar-Re – Barcelona jistennew sal-ħin barrani biex jirbħu lil Cornella

Cornella 0   Barcelona 2 (wara l-ħin barrani)

Barcelona rnexxilhom jeliminaw l-isfida tat-tim tat-Tielet Diviżjoni Cornella meta fit-Tazza tar-Re għaddew fil-ħin barrani. Il-Katalani għamlu ċert li ma jiżolqux bħalma għamlu Real Madrid il-ġurnata ta’ qabel ma’ tim mill-istess diviżjoni, imma wara li fallew żewġ penalties matul id-90 minuta, donnu kollox deher li anke Barcelona kienu ser jisfaw eliminati.

Miralem Pjanic falla penalty fid-39 minuta, u Ousmane Dembele falla ieħor fit-80 minuta biex l-iskor baqa’ 0-0. Fil-ħin barrani Dembele rnexxilu jsib ix-xibka fit-92 minuta wara li rċieva mingħand Pedri, u tal-aħħar reġa’ kien providenzjali b’assist ieħor, din id-darba lejn Braithwaite li għalaq il-logħba fl-aħħar sekondi bl-iskor ta’ 2-0.

Cornella kellhom lil Estelles imkeċċi żewġ minuti minn tmiem il-konfront meta dabbar it-tieni karta safra.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA