Ibburdjar
Team Great Britian jirbaħ l-ewwel Grand Prix tal-Ibburdjar f’Bermuda

Il-baħħar Ben Ainslie flimkien ma’ Team Great Britian kellhom ġurnata mill-aqwa fit-tieni jum tal-Grand Prix tal-Ibburdjar f’Bermuda. Wara nuqqas t’aktar minn 14-il xahar minħabba l-pandemija tal-Covid-19, il-Grand Prix ta’ Bermuda offra spettakli kbar, kemm il-Ġimgħa kif ukoll il-Ħadd.

Filwaqt li nhar il-Ġimgħa li għadda l-Awstraljani kienu fl-aqwa tagħhom u rebħu t-tlett itlielaq fi ftit riħ, il-Ħadd l-istorja kienet totalment differenti. F’irjiħat qawwija, id-dgħajjes użaw qlugħ iżgħar mis-soltu, imma xorta laħħqu l-50 knot matul it-tellieqa.

Team Great Britian, taħt it-tmexxija ta’ Ben Ainslie, dawru s-sitwazzjoni diffiċli favurihom, u mhux biss rebħu matul il-ġurnata tal-Ħadd, imma saħansitra kkwalifikaw biex jikkompetu fil-finali. Team Great Britian rebaħ l-unuri tal-Grand Prix ta’ Bermuda meta għelbu bi ftit lit-tim Awstraljan taħt it-tmexxija tal-baħħar Tom Slingsby.

It-tieni Grand Prix tal-Ibburdjar ser jaqsam l-Oċean Atlantiku, meta ser isir f’Taranto, l-Italja, bejn il-5 u s-6 ta’ Ġunju.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA