Futbol lokali
Team nazzjonali tal-football: Mangia jsejjaħ l-iskwadra għall-partiti ta’ kwalfikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja
Magħżula 30 player għall-partiti tal-aħħar tax-xahar kontra r-Russja, is-Slovakkja u l-Kroazja

Fost l-inċertezza maħluqa mill-aħħar miżuri tal-gvern kontra l-imxija tal-Covid-19, li wasslu għas-sospensjoni tal-isport organizzat kollu sa mill-inqas il-11 t’April, il-coach tat-team nazzjonali Malti Devis Mangia ħabbar skwadra ta’ tletin player għat-tliet partiti ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja li jmissha tilgħab Malta dax-xahar.

Minbarra l-kampjonati domestiċi kollha, li twaqqfu, il-miżuri laqqtu wkoll it-team nazzjonali, li għandu jospita lir-Russja f’Ta’ Qali fl-ewwel partita ta’ Grupp H fl-24 ta’ dan ix-xahar: partita li issa hija f’dubju, anke minħabba li l-miżuri ma jippermettux it-taħriġ fi gruppi. Fil-ħamest ijiem ta’ wara Malta trid tilgħab ukoll away mas-Slovakkja u l-Kroazja. It-timijiet l-oħra fil-grupp huma s-Slovenja u Ċipru.

Mangia bbaża l-iskwadra fuq taħlita ta’ esperjenza u wċuħ ġodda. Fost il-players imsejħa, iż-żgħażagħ Shaun Dimech, Paul Mbong, u Alex Satariano: kif ukoll Nevin Portelli li qed jissejjaħ għall-ewwel darba: waqt li jirritornaw Nikolai Muscat, Enrico Pepe, u Dexter Xuereb. Magħżula wkoll tliet players li jilagħbu barra: Zach Muscat, Teddy Teuma, u Luke Gambin.

Fi stqarrija separata intant il-Malta Football Association qalet li qed iżżomm għajnejha fuq is-sitwazzjoni mill-qrib b’kuntatt regolari mal-gvern. Qalet ukoll li waqt li s-saħħa ta’ kulħadd tibqa’ l-ewwel prijorità, se tkun qegħda f’diskussjonijiet mal-awtoritajiet konċernati biex jonqos kemm jista’ jkun l-effett tal-miżuri fuq il-football.

L-iskwadra kollha:

GOALKEEPERS
Henry Bonello (Valletta); Matthew Calleja Cremona (Hibernians); Jake Galea (Sliema Wanderers)

DIFENSURI
Andrei Agius (Hibernians); Steve Borg (Gżira United); Karl Micallef (Ħamrun Spartans); Zach Muscat (Casa Pia AC – Portugal); Enrico Pepe (Birkirkara); Kurt Shaw (Sliema Wanderers)

MIDFIELDERS
Myles Beerman (Sliema Wanderers); Ryan Camenzuli (Floriana); Triston Caruana (Valletta); Juan Corbalan (Ħamrun Spartans); Matthew Guillaumier (Ħamrun Spartans); Bjorn Kristensen (Hibernians); Joseph Mbong (Ħamrun Spartans); Nikolai Muscat (Gżira United); Steven Pisani (Gżira United); Nevin Portelli (Gżira United); Teddy Teuma (Royale Union Saint-Gilloise – Belgium); Dexter Xuereb (Gżira United)

ATTAKKANTI
Jan Busuttil (Floriana); Jurgen Degabriele (Hibernians); Shaun Dimech (Valletta); Luke Gambin (Newport County AFC – England); Jake Grech (Hibernians); Paul Mbong (Birkirkara); Luke Montebello (Birkirkara); Kyrian Nwoko (Valletta); Alexander Satariano (Sliema Wanderers).

 

Miktub minn...
Peter Cossai
Kap ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirraporta l-football lokali u internazzjonali. Jippreżenta l-programm 90 Minuta.