Ibburdjar
Team New Zealand iżommu t-titlu tal-America’s Cup

Erba’ snin wara li Team New Zealand rebħu l-America’s Cup kontra l-Amerikani f’Bermuda, issa kien imiss lil Luna Rossa tal-Italja li jisfaw vittmi tal-Kiwis li żammew it-titlu f’Auckland. It-trofew ‘Auld Mug’ inżamm minn Team New Zealand wara li rebħu l-għaxar tellieqa minn serje ta’ tlettax, biex ir-riżultat kien 7-3, u allura l-Kiwis ma setgħux jintlaħqu mit-Taljani.

Fl-għaxar tellieqa, il-Luna Rossa kważi m’offrew l-ebda sfida lil Team New Zealand, biċ-champions jirbħu b’46 sekonda quddiem l-avversarji. Fl-ewwel stadji t-Taljani kienu fuq quddiem, imma skont Peter Burling li kien qed imexxi lil Team New Zealand, din kienet tattika li fl-aħħar mill-aħħar tat il-frott.

Skont Peter Burling, ir-rebħa ta’ din is-sena kienet isbaħ minn t’erba’ snin ilu, għaliex issa rebħu quddiem il-pubbliku tagħhom stess. Għal Luna Rossa, din kienet ir-raba’ telfa fil-finali ta’ din il-kompetizzjoni.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA