Futbol internazzjonali
Telf ta’ €8 biljuni f’kull staġun għall-UEFA jekk it-Tazza tad-Dinja ssir kull sentejn

Il-UEFA tinsab inkwetata dwar l-idea tal-FIFA li t-Tazza tad-Dinja ssir kull sentejn. Dan minħabba li apparti li ser jinbidel il-format tat-Tazza tad-Dinja tal-Klabbs, ser tiżdied l-ispiża fuq il-kampjonati domestiċi madwar id-dinja kollha. Il-UEFA qed tikkalkula li jekk din il-proposta tgħaddi, allura jkollha toħroġ mat-€8 biljuni kull staġun.

Jekk jiżdiedu l-logħbiet internazzjonali, allura l-format tal-kampjonati jkollu jinbidel, fejn saħansitra jibdew jitnaqqsu t-timijiet minn kull diviżjoni.

Ir-rapport ikkummissjonat mill-UEFA sar mill-kumpaniji KPMG u FTI Delta Partners, u qed jgħid li jekk it-Tazza tad-Dinja ssir kull sentejn, jonqos id-dħul għall-klabbs domestiċi u anke għall-UEFA.

Il-President tal-FIFA Gianni Infantino qed jinsisti li t-Tazza tad-Dinja tista’ ssir kull sentejn filwaqt li l-Kampjonati Ewropej u l-Copa America jistgħu jsiru kull sentejn ukoll, meta ma jkunx hemm edizzjoni dinjija. Barra minn hekk qed jitlob li jkun hemm waqfiet mandatorji f’kull kontinent sabiex il-plejers ma ‘jinħarqux.’ Il-FIFA qed timbotta ‘l quddiem din l-idea għax mill-edizzjoni tal-2018 li saret ir-Russja, daħħlet kważi €5 biljuni.

Jidher li l-FIFA wkoll qed tagħmel l-istudji tagħha, biss numru ta’ kritiċi tal-logħba tal-futbol qed jgħidu li madwar 40 kampjonat domestiku madwar id-dinja ser ibatu jekk it-Tazza tad-Dinja ssir kull sentejn. Żgur li l-akbar daqqa tasal mid-drittijiet televiżivi, u kompetizzjoni bħaċ-Champions League tista’ titlef mal-€5 biljuni.

Ir-rapport ikkummissjonat mill-UEFA ser jitressaq waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-World Leagues Forum li ser issir il-ġimgħa d-dieħla. Matul dan l-istaġun, il-UEFA mistennija ddaħħal €3.5 biljuni miċ-Champions League, Europa League, Europa Conference League u s-Super Cup.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA