Futbol internazzjonali
Telfa kbira għall-Maltin fl-ewwel logħba tal-VisitMalta Women’s Trophy

VisitMalta Women’s Trophy

Malta……………0

Slovakkja………4

Debutt b’telfa għal Malta fl-ewwel edizzjoni tal-VisitMalta Womens Trophy: bit-tfajliet Maltin megħluba 4-0 mit-team iktar ikkwotat tas-Slovakkja b’żewġ goals kull taqsima.

Is-Slovakki ħadu l-inizjattiva mill-bidu u fetħu l-iskor wara biss 11-il minuta meta Slukova minn taħt il-lasta dawret għal ġewwa minn freekick ta’ Vojtekova.

Għaxar minuti wara, Panakova għelbet lil Janice Xuereb għat-tieni darba b’xutt minn tarf il-kaxxa.

L-ewwel taqsima għalqet 2-0: bl-andament tal-partita ftit jinbidel wara l-mistrieħ: pussess fil-parti l-kbira f’saqajn is-Slovakki u l-Maltin isibuha diffiċli joħorġu mill-qoxra difensiva. Mas-siegħa logħob corner ta’ Vojtekova ħoloq paniku fil-kaxxa Maltija, bil-ballun jaħbat mal-lasta imma eventwalment jiġi kklerjat. U minuta wara Xuereb kienet brava meta laqghet fuq Slukova minn taħtha.

It-tielet goal wasal xorta kwarta mit-tmiem meta s-sostitut Ondrusova approfittat minn markar ħażin minn throw-in biex waħedha quddiem Xuereb ma fallietx. Biex fil-ħin miżjud, Vojtekova finalment niżżlet isimha mal-iskorers b’lob sabiħ minn azzjoni ta’ corner.

Skor finali: Malta 0 Slovakkja 4. Għada fit-3 ta’ wara nofsinhar Awstrija – Żvezja: u Maltin lura fl-azzjoni nhar it-Tlieta meta jiffaċċjaw lill-Izvediżi: partiti kollha diretti fuq TVM2.

Formazzjonijiet:

MALTA
J. Xuereb, S. Farrugia, C. Zammit, N. Sciberras, A. Sultana, J. Flask (89 S. Buttigieg), S. Zammit, V. Mifsud (46 A. Said), R. Cuschieri (82 K. Chetcuti), M. Farrugia (66 E. Xuereb), B. Borg (46 M. Borg).

SLOVAKIA
P. Chladekova, A. Biroova (M. Mikolajova 62), K. Panakova, P. Fisherova, P. Hmirova (62 D. Lemesova), K. Kosikova, D. Bartovicova, D. Skorvankova (56 L. Ondrusova), J. Vojtekova, M. Surnovska, V. Slukova (M. Havranova 62).

Referee M. Aufschnaiter (Austria FA).

 

 

Miktub minn...
TVM Sport
.