Bowling
Ten Pin Bowling: Nicholas Muscat u Juliana Bonanno jirbħu l-kompetizzjoni tal-Gold Cup

Nicholas Muscat u Juliana Bonanno rebħu l-kompetizzjoni tal-Gold Cup tal-bowling lokali.

Bonanno, li kienet fuq quddiem mill-bidu nett, għelbet lil Amanda Cini fil-finali li kienet ferm missielta. Cini, li kella bżonn żewġ strikes biex tirbaħ fl-aħħar frame, irnexxielha ġġib l-ewwel strike, iżda mbagħad ħalliet pin wieħed wieqaf bit-tieni ballun biex b’hekk Juliana rebħet bi tliet pins. (201-198). Fit-tielet post spiċċat Liliana Spiteri.

Ir-rawnd robin tal-irġiel kienet missielta sew, fejn iż-żagħżugħ ta’ 14-il sena Dwayne Zahra, li kien għadu kif kiser ir-rekord nazzjonali ta’ taħt it-18-il sena għal serje ta’ 6 logħbiet (medja ferm tajba ta’ 226) fil-kwalifika, rebaħ 4 mill-ħames logħbiet biex jasal dirett fil-finali.

Muscat, li wkoll għandu 14-il sena, għeleb lil Dylan Santillo biex jiffaċċja lil Zahra fil-final, fejn kellu jirbaħlu darbtejn. L-ewwel logħba rebaħa Muscat, iżda fit-tieni logħba, Zahra fetaħ vantaġġ żgħir mill-bidu li baqa’ bih sal-ahhar frame, fejn gieh split kiefer biex b’hekk Muscat rebaħ b’distakk zgħir ta’ 2 pins, 229-227

Miktub minn...
TVM Sport