Tennis
Tennis – Dimitrov jisfa’ eliminat fl-Open ta’ Madrid, Karatsev u Fognini fit-tieni rawnd

Il-Bulgaru Grigor Dimitrov safa eliminat fl-ewwel rawnd tal-Open ta’ Madrid meta tilef kontra Lloyd George Harris tal-Afrika t’Isfel. Dimitrov tilef fi tliet sets, biex issa Harris ser jaffaċċja lill-Awstraljan Alex de Minaur li min-naħa tiegħu għeleb lill-Ispanjol Jaume Munar fi tliet sets ukoll.

It-Taljan Fabio Fognini beda tajjeb f’dan l-Open, u din kienet l-ewwel logħba wara li kien skwalifikat f’Open preċedenti għax kellem ħażin lil wieħed mil-line judges. Fognini rebaħ kontra l-Ispanjol Carlos Taberner fi tliet sets.

Ir-Russu Aslan Karatsev kompla jimpressjona fl-2021, meta fl-ewwel rawnd fi Spanja għeleb lill-Franċiż Ugo Humbert 7-5, 6-4. Fi Frar li għadda r-Russu kien wasal sas-semifinali tal-Grand Slam tal-Awstralja, imbagħad f’Marzu rebaħ l-ewwel Open tiegħu f’Dubaj, filwaqt li x-xahar li għadda elimina lil Novak Djokovic fl-Open ta’ Belgrad. Karatsev ser jiltaqa’ kontra Diego Schwartzmann fit-tieni rawnd.

Il-Brittaniku Dan Evans rebaħ lill-Franċiż Jeremy Chardy fi tliet sets, filwaqt li John Isner tal-Istati Uniti għeleb lil Miomir Kecmanovic f’żewġ sets.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA