Tennis
Tennis: Dominic Thiem jirbaħ l-ewwel Grand Slam tal-karriera fl-Istati Uniti

L-Awstrijak Dominic Thiem rebaħ l-ewwel Grand Slam tal-karriera tiegħu meta rnexxielu jiġi minn żewġ sets minn taħt biex għeleb lill-Ġermaniż Alexander Zverev fl-Open tal-Istati Uniti. Qabel il-finali Thiem qal li hija l-ħolma tiegħu li jirbaħ l-ewwel Grand Slam tal-karriera, liema ħolma dehret li ser taħrablu meta tilef l-ewwel sett, u anke t-tieni wieħed. L-Awstrijak ta’ 27 sena kien donnu riesaq għar-raba’ telfa f’finali ta’ Grand Slam wara li tilef 2-6, 4-6 l-ewwel sets.

B’nuqqas ta’ konċentrazzjoni minn Zverev fit-tielet sett, Thiem irnexxilu jidħol fil-logħba meta rebħu 6-4 u minn hemm ‘il quddiem ma ħarisx lura biex fir-raba’ sett ġab il-parità meta rebħu 6-3, u fis-sett deċiżiv u finali rnexxilu joħroġ rebbieħ 7-6(6) biex b’hekk rebaħ l-Open tal-Istati Uniti.

Dominic Thiem sar it-tieni Awstrijak li qatt rebaħ Grand Slam fl-istorja tat-tennis, meta qablu kien Thomas Muster li fl-1995 kien rebaħ l-Open ta’ Franza. Għal Thiem din kienet l-ewwel finali fl-Istati Uniti, għaliex fil-passat kien wasal sal-finali tal-Open ta’ Franza darbtejn u darba fl-Open tal-Awstralja. Din kienet it-tieni finali tiegħu din is-sena, għaliex aktar kmieni kien megħlub minn Djokovic fl-Awstralja.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA