Tennis
Tennis: Federer u Nadal jikkwalifikaw għar-rawnd tal-aħħar 16 tal-Open ta’ Franza

Roger Federer kwalifika għar-rawnd tal-aħħar 16 tal-Open ta’ Franza meta għeleb lill-Ġermaniż Dominik Koepfer f’court vojt ilbieraħ filgħaxija.

L-Iżvizzeru ta’ 39 sena, 20 darba Champion tal-Grand Slam, rebaħ b’setts ta’ 7-6, 6-7, 7-6 u 7-5 biex il-partita ntemmet ftit qabel is-1am.

Minkejja r-rebħa, Federer sab għadma iebsa fl-avversarju tiegħu ta’ 27 sena.

Federer jilgħab kontra Matteo Berrettini fir-rawnd li jmiss li min-naħa tiegħu għeleb lil Soon-woo Kwon tal-Korea t’Isfel.

U Rafa Nadael kwalifikat ukoll għal mal-aħħar 16 meta għeleb lill-Ingliż Cameron Norrie b’setts ta’ 6-3, 6-3 u 6-3.

Nadal, rebbieħ tat-13-il Roland Garros is-sena l-oħra, ilu ma jitlef sett f’partitia tennis mill-finali tal-2019 kontra Dominic Thiem.

Norrie, seed numru 45 fir-rankings mondjali, ta kull ma jaf iżda l-klassi ta’ Nadal għamlitha impossibbli għalih li jirbaħlu.

Nadal kellu 35 winner u 3 aces.

Miktub minn...
TVM Sport