Tennis
Tennis – It-telfa kontra Hurkacz setgħet kienet l-aħħar darba li Roger Federer deher fl-Open ta’ Wimbeldon

Il-ħolma ta’ Roger Federer li jirbaħ disa’ titli f’Wimbeldon taret mar-riħ hekk kif l-Iżvizzeru safa eliminat mill-Pollakk Hubert Hurkacz. L-Iżvizzeru ta’ 39 sena beda ħażin tant li tilef l-ewwel sett 6-3. Fit-tieni sett irkupra ftit imma xorta waħda ħareġ tellief 7-6(4). It-tielet sett kien dak deċiżiv, fejn deher ċar li Federer qata’ qalbu, tant li Hurkacz rebħu 6-0.

Qabel il-kwartifinali kontra Federer, Hubert Hurkacz kien rebaħ biss erba’ logħbiet fuq il-ħaxix u allura ħadd ma ħaseb li seta’ jissorprendi lill-Iżvizzeru. Saħansitra anke Federer kien sorpriż, u għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu, tilef sett 6-0 f’Wimbeldon.

Wara li ntemm il-konfront, l-ex champion Boris Becker qal li jista’ jkun li ż-żmien ta’ Federer wasal fi tmiemu. Fil-fatt Becker wasal biex jgħid li jista’ jkun ma narawx aktar lil Federer fil-court.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet wara l-logħba, Roger Federer ammetta li mhuwiex ċert jekk jikkompetiex f’Wimbeldon is-sena d-dieħla. Qal li jinsab kuntent li ta’ 39 sena għadu jilgħab f’dan il-livell, imma qatt ma tista’ tgħid x’jiġri u meta jkollok tieqaf.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA