
It-top seed Roberto Bautista għadda għas-semifinali tal-Open Sud de France wara li ddomina lill-Franċiż Ugo Humbert u għelbu b’sets ta’ 6-3 u 6-3 f’Montpellier.
Is-seed numru 13 fir-rankings mondjali qed jipprova jirbaħ l-10 titlu fil-karriera tiegħu u fil-kwartit tal-finali tal-bieraħ ħa siegħa u 15-il minuta biex ikkwalifika.
Hu se jkun qed jilgħab fis-semifinali kontra l-Ġermaniż Peter Gojowczyk li min-naħa tiegħu kkwalifika b’faċilità meta għeleb lill-Awstrijakk Dennis Novak b’sets ta’ 6-4 u 6-1 fil-kwartit tal-finali l-oħra.
Is-seed numru 2 David Goffin għeleb lit-Taljan Lorenzo Sonego biex għadda għas-semifinali wkoll.
Il-Belġjan għeleb lit-Taljan b’sets ta’ 6-4 u 6-4.
Goffin issa jilgħab kontra Egor Gerasimov tal-Belarus li min-naħa tiegħu kellu jitħabat biex għeleb lill-Ispanjol Alejandro Davidovich Fokina fil-kwartit tal-finali l-oħra b’sets ta’ 4-6, 6-4 u 7-5.