Tennis
Tennis – Magħrufa s-semifinalisti rġiel tal-Open ta’ Wimbeldon

Fil-kwartifinali tal-Open ta’ Wimbeldon, Novak Djokovic kien ser jibgħat lill-partitarji tiegħu kmieni d-dar, hekk kif wara biss 19-il minuta kien kważi rebaħ l-ewwel sett kontra Marton Fucsovics. Dawk l-14,000 persuna li ħallsu £170 għall-biljett biex jaraw din il-logħba ħasbu li f’inqas minn siegħa ser ikunu barra mill-court ta’ Wimbeldon, imma l-Ungeriż irnexxielu jkampa sagħtejn u sbatax-il minuta.

Fucsovics, ta’ 29 sena, tilef it-tliet sets wara xulxin 6-3, 6-4, 6-4, biex b’hekk Djokovic rebaħ it-315-il logħba f’turnew maġġuri. Għalkemm in-numru ta’ logħob mirbuħ jista’ jidher impressjonanti, l-uniku tir ta’ Djokovic hu li jilħaq ir-rekord ta’ Roger Federer u Rafa Nadal, jiġifieri li jirbaħ 20 Grand Slam fil-karriera. B’din ir-rebaħ Djokovic għadda għas-semifinali u allura għadu b’ċans tajjeb li joħroġ minn Wimbeldon rebbieħ.

Mhux l-istess jista’ jingħad għal Roger Federer, li filwaqt li kien qed jittama li jirbaħ id-9 Grand Slam f’Wimbeldon biss, safa eliminat mill-Pollakk Hubert Hurkacz 6-3, 7-6(4), 6-0. Għal Federer qiegħed jidher ċar li l-età qed tilgħab fattur importanti, issa li għandu 39 sena.

Semifinali wkoll għall-Kanadiż Denis Shapovalov li għeleb lil Karen Khachanov f’ħames sets. Shapovalov beda tajjeb tant li rebaħ l-ewwel sett 6-4, biss imbagħad tilef it-tnejn ta’ wara 3-6, 5-7. Shapovalov, ta’ 22 sena sena, deher li ser jitlef iċ-ċans li jagħmilha għas-semifinali, imma fir-raba’ sett ħareġ rebbieħ 6-1, u fis-sett finali kien aħjar biex rebħu 6-4. Shapovalov issa għandu muntanja quddiemu meta l-Ġimgħa jaffaċċja lil Novak Djokovic u jekk b’xi mod jagħmilha għall-finali, ikun it-tieni tennist Kanadiż li wasal sal-aħħar.

It-Taljan Matteo Berrettini sar it-tieni tennist Taljan fl-istorja li wasal sas-semifinali ta’ Wimbeldon. Huwa għeleb lill-Kanadiż Felix Auger-Aliassime fil-kwartifinali f’erba’ sets. Berrettini rebaħ l-ewwel sett 6-3, iżda naqas milli jirbaħ it-tieni u tilfu 5-7. Fit-tielet sett irkupra u rebħu 7-5, imbagħad rebaħ ukoll ir-raba’ 6-3. Matteo Berrettini issa jilgħab kontra l-Pollakk Hubert Hurkacz fis-semifinali.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA