Tennis
Tennis – Medvedev jaħsad lil Djokovic u jasal sas-semifinali tal-ATP Finals

Sorpriża waqt l-ATP Finals meta r-Russu Daniil Medvedev ħasad lis-Serb Novak Djokovic u rebaħlu f’żewġ sets 6-3, 6-3. Ir-Russu ta’ 24 sena kellu jirkupra minn bidu ftit iebes, imma malli mar minn fuq żamm il-kontroll tal-logħba sat-tmiem. B’hekk Daniil Medvedev għamel ċert minn post fis-semifinali.

B’din it-telfa, Novak Djokovic irid jirbaħ bilfors kontra Alexander Zverev il-Ġimgħa jekk kemm-il darba jrid jipprogressa mill-grupp, u b’hekk iżomm it-tamiet qawwija li jirbaħ is-sitt titlu tal-ATP Finals f’Londra.

Il-Ġermaniż Alexander Zverev żamm it-tamiet ħajjin li jista’ jagħmilha mill-grupp meta għeleb lill-Arġentin Diego Schwartzman fi tliet sets. Zverev rebaħ l-ewwel u t-tielet sett, 6-3, 6-3, bi Schwartzmann jirbaħ it-tieni sett 6-4. Zverev li għandu 23 sena, kien jaf li jekk jitlef kontra Schwartzmann kien jispiċċa eliminat, imma rnexxilu jirbaħ il-logħba biex issa jaffaċċja lil Djokovic nhar il-Ġimgħa li ġej.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA