Tennis
Tennis – Murray, Fucsovics, Nishikori u Norrie jagħmluha għat-tieni round tal-Open ta’ Rotterdam

Il-Brittaniku Andy Murray għadda għar-round li jmiss tal-Open ta’ Rotterdam meta għeleb lil Robin Haase żewġ setts għal wieħed. Murray tilef l-ewwel sett 6-2 kontra l-Olandiż, sakemm imbagħad rebaħ it-tnejn ta’ wara 6-2, 7-6(2). Murray qed jistenna r-rebbieħ bejn Andrey Rublev u Marcos Giron biex ikun jaf lil min ser jaffaċċja fit-tieni round.

Marton Fucsovics kellu jitħabat sabiex għeleb lil Reilly Opelka fl-ewwel round u għadda għar-round li jmiss. F’logħba li damet għaddejja kważi sagħtejn u nofs, Opelka rebaħ l-ewwel sett 6-2, b’Fucsovics jiġi minn wara u jirbaħ it-tnejn ta’ wara 7-6(2), 6-3.

Il-Ġappuniż Kei Nishikori wkoll ħareġ rebbieħ meta għeleb lil Felix Auger-Aliassime, bil-Brittaniku Cameron Norrie jirbaħ lil Nikoloz Basilashvili. Fit-tieni round Nishikori ser jiltaqa’ kontra Alex de Minaur jew John Millman, skont min jirbaħ bejniethom fl-ewwel round, filwaqt li Norrie ser jiltaqa’ jew kontra Stan Wawrinka jew Karen Khachanov.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA