Tennis
Tennis: Novak Djokovic jiddomina l-finali u jirbaħ l-Open tal-Awstralja

Novak Djokovic huwa r-rebbieħ tal-Open tal-Awstralja meta dalgħodu għeleb fil-finali lil Daniil Medvedev bi klassi kbira.

Il-plejer numru wieħed fir-rankings mondjali tat-tennis ħareġ rebbieħ b’sets ta’ 7-5, 6-2 u 6-2 fir-Rod Laver Arena biex rebaħ it-18-il titlu Grand Slam fil-karriera tiegħu.

Dan it-titlu kompla ressaq lil Djokovic viċin Roger Federer u Rafa Nadal f’dawk li huma titlu mirbuħa li t-tnejn li huma għandhom 20 fil-karriera.

Djokovic kien iddikjara qabel ma beda dan l-Open tal-Awstralja li Medvedev kien l-aktar avversarju diffiċli biex wieħed jegħleb fil-preżent.

Sadanittant, Ivan Dodig u Filip Polasek rebħu l-ewwel Grand Slam flimkien tal-karriera tagħhom wara li fil-finali tad-doubles tal-Open tal-Awstralja, għelbu liċ-Champions tad-doubles, Rajeev Ram u Joe Salisbury b’sets ta’ 6-3 u 6-4.

Għal Polasek ta’ 35 sena, dan kien l-ewwel unur fil-karriera. Għal Kroat Dodig, dan kien it-tieni titlu li rebaħ fid-doubles fil-karriera tiegħu wara li fl-2015 rebaħ l-Open ta’ Franza flimkien ma’ Marcelo Melo.

Polasek huwa t-tieni plejer fl-Istorja tat-tennis tas-Slovakkja li rebaħ titlu Grand Slam wara Daniela Hantuchova. Il-finali damet sejra 88 minuta.

Miktub minn...
TVM Sport