Tennis
Tennis – Open ta’ Franza: Rafael Nadal u Novak Djokovic fil-kwartifinali, Iga Swiatek għadha timmira li żżomm it-titlu

Rafael Nadal għadda għall-kwartifinali meta għeleb lit-Taljan Jannik Sinner 7-5, 6-3, 6-0. L-Ispanjol ma kellux bidu daqstant tajjeb imma fl-ewwel sett irkupra, rebħu u baqa’ għaddej biex rebaħ it-tnejn ta’ warajh ukoll. Rafael Nadal qed jimmira li jirbaħ 14-il Grand Slam fi Franza biss, u jekk jirnexxilu jagħmel dan ikun l-uniku tennist li jkun rebaħ 21 Grand Slam fil-karriera.

Jannik Sinner, li għad għandu 19-il sena, offra sfida denja lil Nadal, biss ma kienx b’saħħtu biżżejjed kontra l-Ispanjol. Rafael Nadal issa ser jiltaqa’ kontra l-Arġentin Diego Schwartzmann. Din ser tkun it-tieni darba konsekuttiva li dawn it-tnejn ser jaffaċċjaw lil xulxin fir-Roland Garros.

Is-seed numru wieħed Novak Djokovic għal ftit m’għaxxaqhiex meta ħa battikata aktar milli mistenni kontra t-Taljan Lorenzo Musetti. Din kienet l-ewwel darba għal Musetti li wasal sa dan l-istadju, u tant beda tajjeb li kulħadd ħaseb li ser jelimina lis-Serb. Musetti rebaħ l-ewwel żewġ sets, imma Djokovic irkupra fit-tielet wieħed u rebħu 6-1 biex baqa’ fil-logħba. Ir-raba’ sett kien mirbuħ ukoll minn Djokovic 6-0, biss it-Taljan kien imweġġa’ u fl-aħħar sett iddeċieda li ma jkomplix, wara li Djokovic kien qed jirbħu wkoll.

L-Arġentin Diego Schwartzmann għadda wkoll għall-kwartifinali meta għeleb lill-Ġermaniż Jan-Lennard Struff 7-6(9), 6-4, 7-5.

 

Il-Griega Maria Sakkari eliminat lill-Amerikana Sofia Kenin 6-1, 6-3. Għal Sakkari dan huwa l-ewwel Grand Slam tagħha fi Franza u rnexxilha tagħmilha għall-kwartifinali tar-Roland Garros. Fil-kwartifinali Sakkari ser taffaċċja lit-tennista tal-mument, Iga Swiatek.

Il-Pollakka s’issa rebħet 22 sett konsekuttiv fir-Roland Garros, u qed tittama li żżomm it-titlu li rebħet is-sena li għaddiet. L-aħħar tennista li rnexxilha tirbaħ ir-Roland Garros sentejn fuq xulxin kienet Justine Henin fl-2006 u 2007. Il-passaġġ lejn il-kwartifinali xejn ma kien faċli għal Swiatek wara li l-Ukrena Marta Kostyuk tatha sfida denja. Iga Swiatek rebħet f’żewġ sets 6-3, 6-4.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA