Tennis
Tennis – Open ta’ Franza: Roger Federer jirtira biex jiffoka fuq Wimbeldon, Serena Williams tibqa’ tistenna l-24 Grand Slam

L-Iżvizzeru Roger Federer irtira mir-Roland Garros avolja għadda fl-aħħar logħba li lagħab. Federer għeleb lill-Ġermaniż Dominik Koepfer matul il-ġurnata tas-Sibt, u l-Ħadd filgħodu ddeċieda li jirtira sabiex jiffoka aktar dwar Wimbeldon. Fir-raba’ rawnd Federer kien ser jilgħab kontra t-Taljan Matteo Berrettini.

L-Iżvizzeru ilu ma jilgħab għal madwar 17-il xahar, meta l-2020 għaddieha jirkupra minn żewġ operazzjonijiet minħabba uġigħ f’irkopptu. Roger Federer qed jittama li jirbaħ il-21 Grand Slam tal-karriera f’Wimbeldon din is-sena, u allura ħass li għandu jieqaf mill-Open ta’ Franza biex jipprepara sew għal turnew ieħor.

Alexander Zverev għadda għall-kwartifinali tar-Roland Garros meta għeleb lil Kei Nishikori 6-4, 6-1, 6-1. L-istess għamel ir-Russu Daniil Medvedev li għadda għall-kwartifinali b’rebħa fuq iċ-Ċilen Cristian Garin 6-2, 6-1, 7-5.

 

Jidher li l-istennija għall-24 Grand Slam ser ittul aktar milli kien maħsub wara li l-Amerikana Serena Williams sfat eliminata mill-Open ta’ Franza. Williams ma stennitx li Elena Rybakina kienet ser tkun f’forma impressjonanti, tant li rebħitilha f’żewġ sets 6-3, 7-5.

Dan huwa s-seba’ Grand Slam ta’ Rybakina li għandha 21 sena, u f’dan l-Open kienu diversi t-tennisti li sfaw eliminati. Aktar kmieni matul il-ġurnata Victoria Azarenka wkoll sfat eliminata, did-darba minn Anastasia Pavlyhuchenkova.

Fil-kwartifinali, Rybakina ser tilgħab kontra Pavlyuchenkova.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA