Tennis
Tennis – Open ta’ Franza: Semifinali bejn Novak Djokovic u Rafael Nadal

Is-Serb Novak Djokovic kellu jimmansa lill-avversarju Matteo Berrettini biex għadda għas-semifinali tar-Roland Garros. Djokovic kien żewġ sets minn fuq qabel Berrettini rebaħ sett u daħħal xi ftit tad-dubji fuq jekk hux ser jirnexxilu jagħmilha għas-semifinali. Novak Djokovic rebaħ l-ewwel sett 6-3, u rebaħ it-tieni 6-2. Berrettini rebaħ it-tielet sett 7(5)-6, imma Djokovic rebaħ ir-raba’ sett 7-5 u għadda għas-semifinali tal-Open ta’ Franza.

Għal Djokovic l-Open ta’ Franza xejn mhu jkun faċli, meta t-Tnejn li għadda kien żewġ sets minn taħt kontra t-Taljan Lorenzo Musetti, u rnexxilu jirkupra. Ilbieraħ filgħaxija kienet l-ewwel darba li tħallew jidħlu n-nies fil-court, u sfortunatament għal Djokovic, dawn aktar kienu wara Berrettini. L-ispettaturi preżenti ma setgħux jibqgħu sa tmiem il-logħba għaliex mal-23:00 kellhom jitilqu minħabba l-curfew impost mill-Gvern Franċiż.

Finalment Novak Djokovic ħareġ rebbieħ wara li waqfu ftit sakemm ħarġu l-ispettaturi ‘l barra. Issa fis-semifinali, Djokovic ser jiltaqa’ kontra l-Ispanjol Rafael Nadal.

Nadal għeleb lill-Arġentin Diego Schwartzmann fil-kwartifinali f’erba’ sets. L-Ispanjol rebaħ l-ewwel sett 6-3, bl-Arġentin jirrispondi fit-tieni wieħed u jirbħu 6-4. Fit-tielet sett Nadal reġa’ mar minn fuq meta rebħu 6-4, bir-raba’ sett ikun dak finali għaliex l-Ispanjol rebħu 6-0.

Is-seed numru tlieta Nadal, 13-il darba champion fi Franza, issa jiltaqa’ kontra s-seed numru wieħed Djokovic, f’dik li mistennija tkun semifinali mill-aktar interessanti.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA