Tennis
Tennis – Open ta’ Franza: Stefanos Tsitsipas ser jilgħab kontra Novak Djokovic fil-finali

Novak Djokovic u Stefanos Tsitsipas ser jaffaċċjaw lil xulxin fil-finali tar-Roland Garros il-Ħadd.

Is-Serb Djokovic kellu jiġi minn sett minn taħt biex għeleb lill-Ispanjol Rafael Nadal għat-tielet darba fil-karriera. Nadal beda tajjeb u rebaħ l-ewwel sett 6-3, imma r-reazzjoni ta’ Djokovic kienet b’saħħitha fit-tieni sett meta rebħu 6-3. Minn hemm ‘il quddiem Novak Djokovic ħa l-kontroll tal-logħba, u rebaħ iż-żewġ sets ta’ wara 7-6(4), 6-2.

Rafael Nadal kien qed jittama li jirbaħ l-14-il Grand Slam fi Franza, biss kulma ħadem għalih sarlu suf mit-tieni sett ‘il quddiem, tant li Djokovic rebaħlu f’97 minuta.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet wara l-konfront, Djokovic qal li lagħab l-aħjar tennis ta’ ħajtu, u li dik kienet waħda mill-aqwa tliet logħbiet tal-karriera tiegħu.

Fil-finali Novak Djokovic ser jiltaqa’ kontra l-Grieg Stefanos Tsitsipas li min-naħa tiegħu għeleb lill-Ġermaniż Alexander Zverev.

Tsitsipas fetaħ tajjeb tant li rebaħ l-ewwel żewġ sets, 6-3, 6-3. Zverev wettaq rimonta fiż-żewġ sets ta’ wara u rebaħhom 6-4, 6-4, biex wara erba’ sets il-punteġġ kien 2-2. Fil-ħames u l-aħħar sett Stefanos Tsitsipas reġa’ sab il-forma u rebħu 6-3. Din ser tkun l-ewwel darba li Tsitsipas ser jilgħab fil-finali tar-Roland Garros.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA