Tennis
Tennis – Open ta’ Franza: Tsitsipas, Zverev, Zidansek u Pavlyuchenkova kollha fis-semifinali

Is-seed numru ħamsa Stefanos Tsitsipas għeleb lis-seed numru tnejn Daniil Medvedev biex għadda għas-semifinali tar-Roland Garros. Aktar kmieni din is-sena Tsitsipas kien tilef ma’ Medvedev fl-Open tal-Awstralja. F’din il-logħba Stefanos Tsitsipas rebaħ fi tliet sets 6-3, 7-6(3), 7-5.

Il-Grieg issa ser jaffaċċja lil Alexander Zverev fis-semifinali. Min-naħa tiegħu l-Ġermaniż għeleb lill-Ispanjol Alejandro Davidovich Fokina 6-4, 6-1, 6-1.

L-ewwel sett xejn ma kien faċli għal Zverev wara li kellu xi jgħid mal-umpire Alison Hughes. Biss xorta waħda l-Ġermaniż ħareġ rebbieħ fih, u rebaħ it-tnejn ta’ wara bla wisq diffikultà. Alexander Zverev sar l-ewwel Ġermaniż f’25 sena li għamilha sas-semifinali tar-Roland Garros.

 

L-Islovena Tamara Zidansek hija s-sorpriża tar-Roland Garros meta fi Franza rnexxilha tasal sas-semifinali. Zidansek saret l-ewwel Slovena fl-istorja li waslet sa dan l-istadju, wara li għelbet lill-Ispanjola Paula Badosa fi tliet sets. Zidansek rebħet l-ewwel sett 7-5, imma mbagħad tilfet it-tieni wieħed 4-6. Fit-tielet u l-aħħar sett Zidansek kienet aħjar u rebħitu 8-6.

Tamara Zidansek ser taffaċċja lir-Russa Anastasia Pavlyuchenkova fis-semifinali, li wkoll min-naħa tagħha waslet sa dan l-istadju l-ewwel darba. Pavlyuchenkova kellha tegħleb l-isfida t’Elena Rybakina tal-Każakistan u rebħitilha fi tliet sets. Rybakina bdiet tajjeb tant li rebħet l-ewwel sett 7(2)-6, imma Pavlyuchenkova wettqet rimonta tajba u rebħet iż-żewġ sets ta’ wara 6-2, 9-7.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA