Tennis
Tennis – Roland Garros: Barbora Krejcikova tirbaħ l-ewwel Grand Slam tal-karriera

Jasal l-ewwel Grand Slam ta’ Barbora Krejcikova li fil-finali tar-Roland Garros fi Franza hija għelbet lil Anastasia Pavlyuchenkova fi tliet sets. Dan kien il-ħames turnew maġġuri li Krejcikova kienet qed tilgħab fih, u ċ-Ċeka ta’ 25 sena żgur ma kenitx qed tistenna li ser tasal s’hawn ħmistax ilu.

B’din ir-rebħa Krejcikova saret it-tielet tennista unseeded li rebħet ir-Roland Garros fl-aħħar ħames snin. L-għan ta’ Krejcikova issa hu li tirbaħ ukoll id-doubles, did-darba ma’ Kateria Siniakova, u b’hekk tkun imxiet fuq il-passi ta’ Mary Pierce li rebħet iż-żewġ kompetizzjonijiet fl-2000.

Għal Anastasia Pavlyuchenkova l-logħba ġiet għat-telgħa mal-ewwel. Hija tilfet l-ewwel sett 1-6, imbagħad irkuprat fit-tieni wieħed u rebħitu 6-2, imma kellha bżonn l-assistenza medika għax weġġgħet saqajha. Fit-tielet sett Krejcikova kienet aħjar u rebħitu 6-4 biex rebħet l-Open ta’ Franza 2021.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA