Futbol lokali
“Teżisti rabja kbira fil-plejers wara r-riżultat ta’ Spanja…Meta l-poplu Malti jkun magħqud ikun jista’ jimxi ħafna aktar ’il quddiem” – Ray Farrugia

“Wara l-partita ta’ Spanja teżisti rabja kbira fil-plejers kollha.” Dan qalu l-kowċ tat-tim nazzjonali Malti Ray Farrugia fil-konferenza tal-aħbarijiet li saret illum wara nofsinhar, ġurnata qabel il-partita ta’ għada kontra n-Norveġja.

Malta tilgħab l-aħħar partita ta’ Grupp F ta’ Kwalifikazzjoni kontra t-tim Skandinavu fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali.

Il-kowċ nazzjonali qal li dan hu mument diffiċli għall-futbol Malti u għat-tim nazzjonali u għada se tkun partita diffiċli oħra kontra tim fiżikament b’saħħtu ħafna.

“Ninsab iddiżappuntat. Iżda l-moral tal-plejers diġà jinsab għoli u se nkunu qed nagħmlu minn kollox biex minn din il-partita nieħdu xi ħaġa,” qal Farrugia.

Mistoqsi fuq il-partita ta’ Spanja, Farrugia qal li r-riżultat hu dak li hu u jkun importanti li lkoll inħarsu ’l quddiem.

“Lgħabna kontra wieħed mill-aqwa timijiet fid-dinja. Spanja bħal qisu l-‘boogy team’ tiegħi. Jien kont hemm ukoll fit-telfa ta’ 12-1.”

Mistoqsi minn TVM Sport fuq il-futur tiegħu u jekk din hux se tkun l-aħħar partita tiegħu, Farrugia qal:

“Mhux qed naħseb dwar dan. Jien għandi l-kuntratt sal-aħħar ta’ Diċembru. Wara din il-partita se nitkellem mal-amministrazzjoni u nimxu minn hemm.”

Dwar il-formazzjoni ta’ għada, Farrugia kkonferma li se jkun hemm tibdil fit-tim. Hu qal li se jkun qed jibda bi plejers aktar friski li ma lagħbux jew lagħbu ftit ħin kontra Spanja.

Ray Farrugia għalaq b’messaġġ emozzjonali u b’appell lejn il-poplu Malti.

“Importanti li f’mumenti bħal dawn kulħadd jibqa’ magħqud. Irridu nkunu kburin li poplu żgħir imma magħqud. Imbilli wieħed jipprova jkisser lill-ieħor f’kull ċans li jiġi m’aħna se nsolvu xejn. Meta l-poplu Malti jkun magħqud ikun jista’ jimxi ħafna aktar ’il quddiem,” qal Farrugia.

Għall-konferenza tal-aħbarijiet kien preżenti wkoll Dunstan Vella, il-midfielder tat-tim nazzjonali u ta’ Hibernians.

Vella kompla fuq dak li qal il-kowċ nazzjonali dwar l-atmosfera preżenti fit-tim nazzjonali. Hu qal li wara telfa ta’ 7-0, kulħadd jinsab deluż iżda fil-partita ta’ għada l-plejers kollha jridu jqumu għall-okkażjoni.

“Irridu nagħmlu xi ħaġa biex nagħtu risposta. Kulħadd irid jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu. Fuq bażi personali rrid insarraf tajjeb il-fiduċja li tagħni l-kowċ f’dan it-tim nazzjonali,” qal Dunstan Vella.

Malta – Norveġja tintlagħab għada fid-20.45, diretta fuq TVM2. Ix-xandira tibda mit-20.00 ‘il quddiem.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Tmien plejers ġew sospiżi partita mill-Kampjonat BOV Premier. Il-Kummissarju tad-Dixxipplina tal-Malta Football Association ikkonferma din l-aħbar bi stqarrija mibgħuta lill-media lokali. Il-plejers huma Ryan Camenzuli ta’ Floriana, Hubert Vella ta’…

Futsal

Luxol jagħmluhom għal 21 rebħa konsekuttiva, hekk kif fl-unika logħba li kellna mill-Kampjonat tal-Elite, reġgħu rebħu lit-tim tal-Università ta’ Malta, din id-darba bl-iskor ta’ 5-1. Għal Luxol sabu x-xibka Carl…

Futsal

Luxol jagħmluhom għal 21 rebħa konsekuttiva, hekk kif fl-unika logħba li kellna mill-Kampjonat tal-Elite, reġgħu rebħu lit-tim tal-Università ta’ Malta, din id-darba bl-iskor ta’ 5-1. Għal Luxol sabu x-xibka Carl…

Futbol lokali

Balzan Youths u Żurrieq Sunrise komplew jimpressjonaw matul dan l-istaġun hekk kif eliminaw lill-avversarji aktar ikkwotati minnhom  u kkwalifikaw għas-semifinali tal-MAFA Christmas Cup Hekk kif intlagħbu l-kwarti tal-finali ta’ din…

Aktar