Futbol internazzjonali
Tfaqqa’ l-idea tas-Super League Ewropew … il-FIFA, il-UEFA u diversi assoċjazzjonijiet u gvernijiet joħorġu qatta’ bla ħabel kontra

Kienet ilha tinħema u fl-aħħar faqqgħet. Tnax-il klabb Ewropew ħabbru li ser jifformulaw is-Super League, li ser ikun immexxi mill-President attwali ta’ Real Madrid, Florentino Perez.

B’kollox hemm sitt timijiet mill-Premier League Ingliż, u tlieta mis-Serie A u minn La Liga rispettivament. It-timijiet li mistennija jipparteċipaw f’dan is-Super League huma: Manchester United, Manchester City, Liverpool, Arsenal, Chelsea u Tottenham Hotspur mill-Ingilterra, Inter, Juventus u Milan mill-Italja, flimkien ma’ Real Madrid, Atletico Madrid u Barcelona minn Spanja.

Fi stqarrija konġunta maħruġa bejn it-12-il tim, qiegħed jingħad li dan is-Super League għandu jinbeda mill-aktar fis possibbli, u l-klabbs fundaturi ser jingħataw $3.5 biljuni sabiex ikunu jistgħu jibnu l-infrastruttura tal-pjanijiet t’investiment u jtaffu mill-effett tal-pandemija tal-Covid-19.

Din l-aħbar waslet bħal xokk ftit sigħat qabel mal-UEFA mistennija tħabbar ir-riforma fil-UEFA Champions League sa mill-2024. Il-Federazzjoni Ewropea tal-Futbol qalet li taf li hemm tnax-il tim Ewropew li mistennija jfasslu kampjonat magħluq bejniethom, li inċidentalment kollha huma mill-Ingilterra, l-Italja u Spanja.

Barra minn hekk, jidher li hemm il-ħsieb li jkun ifformulat Super League tan-Nisa, li jinbeda wara li tal-irġiel ikun daħal fis-seħħ.

Fi stqarrija konġunta bejn il-UEFA u l-Federazzjonijiet tal-Futbol tal-Ingilterra, l-Italja u Spanja, ingħad li ser jittieħdu l-miżuri kollha sabiex dawk it-timijiet li jiffurmaw parti mis-Super League jkunu sospiżi mhux biss mill-kompetizzjonijiet Ewropej, imma minn ukoll minn dawk domestiċi. Barra minn hekk, il-UEFA qalet li l-plejers tat-timijiet li jieħdu sehem fis-Super League, ma jkunux jistgħu jirrappreżentaw lil pajjiżhom fuq livell internazzjonali.

Il-UEFA rringrazzjat lit-timijiet mill-Ġermanja u Franza li ma ffirmawx il-ftehim sabiex jingħaqdu fis-Super League, filwaqt li ħeġġet lill-partitarji u lill-politiċi sabiex jingħaqdu magħha fil-ġlieda kontra dan il-proġett.

Reazzjoni qawwija mill-gvernijiet tal-pajjiżi konċernati flimkien m’oħrajn, kif ukoll minn coaches u ex-plejers li qalu li huma ddiżgustati b’dan il-proġett tas-Super League.

Il-President Franċiż Emmanuel Macron qal li ma jagħmilx sens li jkun hemm turnew ieħor minbarra dawk li torganizza l-UEFA, filwaqt li l-ex difensur ta’ Manchester United u l-Ingilterra Gary Neville qal li hija tal-mistħija li għad hawn timijiet daqshekk rgħiba għall-flus.

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson qal li pjanijiet simili qed ikissru l-logħba tal-futbol u sostna li l-Gvern tar-Renju Unit ser jagħti s-sapport meħtieġ lill-awtoritajiet tal-futbol Ewropew. Johnson żied jgħid li t-timijiet li qed jaħsbu li jkunu parti mis-Super League għandhom jaħsbu fuq il-partitarji tagħhom, u x’impatt ser iħallu fuq il-logħba tal-futbol.

Fl-Italja, il-bord tas-Serie A tlaqqa’ b’urġenza sabiex jiddiskuti s-sitwazzjoni emerġenti, fejn tliet klabbs Taljani qed jissemmew li ffirmaw il-ftehim. Il-bord qal li għal diversi snin kien hemm ix-xnigħat li dan is-Super League ser ikun iffurmat, imma issa faqqgħet il-bomba.

F’Jannar li għadda, il-President tal-Assoċjazzjoni Spanjola tal-Futbol Javier Tebas, kien qal lil Reuters li Real Madrid, Barcelona, Manchester United u Liverpool kienu l-moħħ wara dan il-proġett.

Ir-rapporti li feġġew matul il-lejl li għadda wasslu lill-FIFA u l-UEFA sabiex joħorġu stqarrijiet differenti u jagħmluha ċara li l-ebda plejer involut fis-Super League ma jkun jista’ jilgħab f’edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja jew tal-Kampjonati Ewropej.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA