Futbol lokali
The Convenience Summer Cup 2019 – San Ġwann jibqgħu jżommu l-ewwel post

San Ġwann baqgħu jżommu l-ewwel post tal-klassifika ta’ The Convenience Summer Cup 2019 hekk kif intlagħbet it-tieni ġurnata ta’ dan it-turnament annwali ta’ qabel l-istaġun.

It-tim immexxi minn Jean Paul Desira xejn ma sabha faċli jegħleb lil Qormi u kellhom ikunu l-għoti tal-penalties li tahom il-punti meħtieġa.

Anke Żebbuġ Rangers kellhom imorru għall-penalties sabiex għelbu lil Żejtun Corinthians sabiex ġew dikjarati rebbieħa ta’ dan il-konfront.

Fil-fatt f’dan it-turnament jekk il-logħba tispiċċa fi dro sa tmiem id-disgħin minuta, jingħataw mal-ewwel il-penalties fejn it-tim rebbieħ jieħu żewġ punti filwaqt li dak tellief jieħu punt. Min-naħa l-oħra jekk ikun hemm rebħa diretta fid-90 minuta,  tim jieħu tliet punti.

Kif għedna San Ġwann kisbu t-tieni suċċess ta’ dan it-turnament meta f’logħba ferm sabiħa huma għelbu lil Qormi 6-5 bl-għoti tal-penalties.

Il-logħba sad-90 minuta spiċċat fi dro ta’ 1-1. Kienu San Ġwann li marru fil-vantaġġ wara biss 30 sekonda grazzi għal Jake Bowman li wara li rċieva mingħand Jean Paul Attard, baqa’ javvanza filwaqt li qabbeż il-ballun minn fuq il-gowlkiper avversarju.

Ftit wara Qormi ngħataw penalty wara rregolarita’ fil-kaxxa ta’ San Ġwann. Mill-11-il metru kien Freud li ra x-xutt tiegħu milqugħ ferm tajjeb mill-keeper ta’ San Ġwann Jean Matthias Vella.

Hekk kif l-ewwel taqsima għalqet b’San Ġwann 1-0 minn fuq, fit-tieni taqsima Qormi ħarġu aggressivi fit-tentattiv li jġibu l-iskor indaqs tant li għamlu dan fil-81 minuta meta wara kross tajjeb, kien Tensior Guzman li bir-ras għeleb lill-keeper avversarju.

Il-logħba kellha tiġi deċiża mix-xuttijiet mill-11-il metru fejn hawnhekk kienu ferm bravi San Ġwann li skorjaw erbgħa mill-ħames penalties li taw filwaqt li Qormi skorjaw tlieta.

Din ir-rebħa għenet lill-organizzaturi ta’ dan it-turnament li jżommu l-ewwel post tal-klassifika u għandhom żewġ punti vantaġġ fuq l-eqreb rivali tagħhom Qormi FC.

F’din it-tieni ġurnata kellna d-debutt pożittiv ta’ Żebbuġ Rangers illi wkoll sabuha diffiċli sabiex jiksbu żewġ punti hekk kif għelbu lil Żejtun Corinthians 9-8 wara l-għoti tal-penalties. Għal dawn tal-aħħar din kienet it-tieni telfa bil-penalties wara li fl-ewwel ġurnata kien ġralhom l-istess kontra Qormi FC.

Kienu Żebbuġ Rangers li marru fil-vantaġġ fit-38 minuta permezz ta’ Saturday Nanapere li kompla jikkonferma l-potenzjali tiegħu quddiem il-lasta avversarja.

Wara li ż-Żebbuġin marru jistrieħu 1-0 minn fuq, Żejtun Corinthians ħarġu b’aktar grinta fit-tieni taqsima tant li ġabu l-iskor indaqs fil-65 minuta permezz tal-plejer Brażiljan Ribeiro Santos li għeleb lill-gowlkiper tar-Rangers. Huma ppruvaw jagħlqu l-konfront qabel id-90 minuta iżda sabu lill-gowlkiper ta’ Żebbuġ isalva dak li ġie għal idejh.

Il-logħba marret għall-għoti tal-penalties u wara li ngħataw sittax-il penalty, kienu Żebbuġ Rangers li ħarġu rebbieħa bl-iskor kumplessiv ta’ 9-8.

KIF JINSABU

San Ġwann 5, Qormi FC 3, Żebbuġ Rangers, Żejtun Corinthians 2, Mġarr United 0

Matul din it-tieni ġurnata Mġarr United ma kinux fl-azzjoni.

 

Miktub minn...
robertbusuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkumenta l-logħob tal-kampjonat Premier. Jippreżenta programm sportiv fuq radju tal-komunita'.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Jumejn qabel il-ftuħ tal-kampjonat Premier, Ħamrun Spartans u Santa Lucia ppreżentaw l-iskwadri tagħhom għall-istaġun li ġej. Ħamrun Spartans ippreżentaw l-iskwadra għall-istaġun li jiftaħ nhar il-Ġimgħa fejn l-Ispartans jibdew b’konfront kontra…

Futbol lokali

THE CONVENIENCE SUMMER CUP 2019 Żebbuġ Rangers laħqu lil San Ġwann f’ras il-klassifika ta’ The Convenience Shop Summer Cup 2019 meta f’konfront dirett huma għelbuhom bl-iskor ta’ 5-2. Min-naħa l-oħra…

Futbol lokali

Ir-referee Għawdxi Mario Apap inħatar bħala l-President il-ġdid tal-Malta Football Referees Association. Hu inħatar waqt laqgħa ġenerali oħra tal-assoċjazzjoni. Ishmael Barbara inħatar bħala Segretarju filwaqt li fir-rwol ta’ Viċi President,…

Aktar