Futbol lokali
The Convenience Summer Cup 2019 – San Ġwann u Qormi jibdew tajjeb

Il-bieraħ ingħata bidu għall-pre-season tournament msejjaħ The Convenience Cup 2019 organizzat għal darb’oħra minn San Ġwann FC. F’dan it-tournament qed jieħdu sehem ħames timijiet iġifieri San Ġwann, li kif għedna huma l-organizzaturi, Żebbuġ Rangers, Żejtun Corinthians, Qormi FC u Mġarr United bil-logħob kollu qed jintlagħab fil-grawnd tal-Mosta. Dan it-tournament iservi sew għal dawn it-timijiet sabiex jaraw il-potenzjal tal-plejers li għandhom fl-iskwadra kif ukoll l-akkwisti l-ġodda li saru f’dan is-suq tat-trasferimenti tas-sajf. 

Fl-ewwel partita kellna dwell ferm interessanti bejn Qormi u Żejtun Corinthians fejn tal-ewwel rebħu bl-għoti tal-penalties 6-5 wara li sat-tmiem id-90 minuta l-iskor kien 1-1. Dawn iż-żewġ timijiet ser ikunu qed jilagħbu fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni. 

Għal Qormi fuq il-bank iddebutta l-kowċ tagħhom Vince Carbonaro fejn seta’ jara sew il-progress li għamlu f’dawn l-ewwel jiem kemm ilu fit-tmexxija tat-tim. 

Żejtun, taħt il-kowċ Orosco Anonam, lagħbu logħba dixxiplinata fejn bdew itellgħu kontrattakki perikolużi lejn il-lasti avversarji. 

Il-logħba kienet waħda ferm interessanti fejn it-timijiet ma qagħdux lura milli jattakkaw. 

Qormi marru minn fuq wara 26 minuta logħob grazzi għal Tensior Guzman li għeleb lill-gowlkiper avversarju. 

Żejtun tjiebu ferm fit-tieni taqsima u ġabu l-iskor indaqs proprju fis-87 minuta permezz ta’ xutt tajjeb ta’ Julien Iwueke sabiex il-logħba marret għal-lotterija tal-penalties. 

Hawnhekk kienu Qormi li kellhom l-aħħar daħka meta skorjaw il-penalties kollha tagħhom, b’Żejtun ifallu wieħed minnhom. 

Fit-tieni partita,  li rriżultat f’waħda ferm bilanċjata, San Ġwann għelbu lil Mġarr United bl-iskor ta’ 1-0. Ironikament dawn iż-żewġ timijiet ser jibdew kontra xulxin fl-ewwel ġurnata tal-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni li ser tintlagħab fl-14 ta’ Settembru. 

Fuq il-bank ta’ San Ġwann kien hemm id-debutt tal-kowċ Jean Paul Desira li ma setax kellu bidu aħjar b’din ir-rebħa li kiseb.

Kienet logħba maqsuma bejn żewġ timijiet li xtaqu jibdew dan it-turnament bir-rebħ. San Ġwann kellhom ċansijiet tajba permezz ta’ Owen Spiteri u Luca Mallia filwaqt li l-aktar periklu min-naħa ta’ Mġarr inħoloq mill-plejer tagħhom Lazar Doric fejn f’okkażjoni minnhom kien żvinturat li ma fetaħx l-iskor. 

Iżda dak li ma sarx f’naħa sar f’oħra tant li kien proprju fl-aħħar minuti li San Ġwann skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa. Kien Jean Paul Attard li fajjar xutt tajjeb minn barra l-kaxxa li ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper ta’ Mġarr isalva. 

Dan kellu jkun il-gowl li tar-rebħa finali mit-tim immexxi minn Jean Paul Desira sabiex b’hekk kiseb l-ewwel tliet punti tiegħu f’dan it-turnament.

B’hekk wara li ntlagħbet l-ewwel ġurnata, il-klassifika tara lil San Ġwann b’punti massimi hekk kif għandhom tliet punti, Qormi għandhom żewġ punti filwaqt Żejtun għandhom punt. Fl-aħħar post tal-klassifika nsibu lil Mġarr United li għadhom ma kisbu l-ebda punt. Żebbuġ Rangers ma kinux fl-azzjoni fl-ewwel ġurnata tat-turnament. 

Dan it-turnament ikompli nhar il-Ħamis li ġej b’dan il-programm:

6.30pm – San Ġwann vs Qormi

8.30pm – Żejtun Corinthians vs Żebbuġ Rangers

Miktub minn...
TVM Sport
.
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

MAFA – Kampjonat L-Ewwel Diviżjoni 2019/2020 Senglea Gunners bdew l-istaġun 2019/2020 tal-MAFA b’mod eċċezzjonali meta kontra kull mistenni għelbu liċ-champions Versity AFC bl-iskor ta’ 3-1. Anke t-tim promoss ta’ Balzan…

Futbol lokali

Claudio Marchisio, l-ex plejer ta’ Juventus u tat-tim nazzjonali tal-Italja, jinsab f’Malta fuq stedina tal-Juventus Club Cuore Bianconero. U filwaqt li jinsab hawn biex jiltaqa’ mal-Juventini Maltin, ma naqasx milli…

Futbol lokali

Diego Venancio ta’ Floriana FC huwa l-BOV Plejer tax-Xahar għal Settembru 2019. L-Attakkant Brażiljan ta’ 26 sena ngħaqad ma’ Floriana minn Senglea Athletic u huwa kontributur ewlieni għall-ambizzjonijiet ta’ Floriana…

Futbol lokali

L-eks plejer ta’ Juventus Claudio Marchisio wasal f’Malta u beda b’sensiela ta’ attivitajiet organizzati mill-Juventus Club Malta Cuore Bianconero u li għandhom ilaqqgħuh ma’ mijiet ta’ Juventini Maltin. Waqt konferenza…

Aktar