Olimpijadi TOKYO 2020
Thomas Bach jgħid li l-atleti għandhom jitlaqqmu kollha qabel l-Olimpjadi

Il-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali Thomas Bach temm żjara ta’ jumejn f’Tokjo l-Ġappun billi żar l-Istadium Nazzjonali li nbena apposta għall-Olimpjadi li kellhom isiru s-sajf li għadda. Għalkemm il-Logħob Olimpiku ġie sospiż għas-sena d-dieħla, il-preparamenti xorta waħda baqgħu għaddejjin, u Bach qal li jittama li l-atleti kollha jieħdu l-vaċċin kontra l-Covid-19 qabel jivvjaġġaw lejn il-Ġappun.

Skont Bach, jekk kull atleta jieħu l-vaċċin, allura dan ikollu impatt pożittiv ħafna fuq il-Logħob Olimpiku, kif ukoll ikun sinjal ta’ rispett lejn il-poplu Ġappuniż. Għalkemm mhijiex ser tkun mandatorja li l-atleti jieħdu t-tilqima kontra l-Covid-19, Bach qal li tkun ideali jekk kull atleta jagħmel hekk, mhux biss għalih imma anke għall-atleti l-oħra.

Aktar minn 11,000 atleta huma mistennija jaslu f’Tokjo qabel jibda l-Logħob Olimpiku fit-23 ta’ Lulju 2021, imbagħad eluf oħra mistennija jaslu ftit jiem wara biex jippreparaw għall-Paraolimpjadi.

Mhux ir-residenti kollha tal-belt ta’ Tokjo huma favur li jsir il-Logħob Olimpiku, tant li matul iż-żjara ta’ Bach kien hemm diversi protesti żgħar kontra li jsir il-Logħob f’Lulju tas-sena d-dieħla.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA