Olimpijadi TOKYO 2020
Thomas Bach ser jibqa’ President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali sal-2025

Il-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali Thomas Bach ser jibqa’ fil-kariga sal-2025, għaliex is-sena d-dieħla mhux ser ikun ikkontestat għall-kariga. Din l-aħbar ħarġet mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali matul il-ġurnata tat-Tlieta, biex b’hekk Bach huwa mistenni li jagħmel b’kollox 12-il sena fil-kariga. Bach laħaq President fl-2013, f’kontestazzjoni ma’ ħames kandidati oħra fi Buenos Aires. Huwa kien is-suċċessur ta’ Jacques Rogge. Ir-regolamenti tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali jgħidu li President jista’ jagħmel biss żewġ termini fil-kariga, bl-ewwel terminu jkun għal perjodu ta’ 8 snin, u t-tieni perjodu jkun għal 4 snin.

Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali mistenni jiltaqa’ għall-137 Laqgħa tiegħu f’Ateni f’Marzu tas-sena d-dieħla, fejn suppost kellha ssir l-elezzjoni għal President, biss wara l-aħbar tal-bieraħ Bach diġà jaf li ser jibqa’ jmexxi sa ħames snin oħra. Thomas Bach huwa avukat Ġermaniż li kein rebaħ il-midalja tad-deheb fil-Fencing fl-Olimpjadi ta’ Montreal fl-1976. Huwa sar membru tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali fl-1991, u meta laħaq President mal-ewwel beda diversi riformi sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-Logħob Olimpiku. Din ir-riforma waslet wara li diversi pajjiżi kienu qed jaqtgħu qalbhom jikkontestaw għall-għażla ta’ min ser jorganizza l-Olimpjadi minħabba l-flus eżorbitanti involuti.

Fil-Presidenza tiegħu Bach kellu wkoll il-mumenti diffiċli, b’mod speċjali fl-2014, meta faqqa’ l-iskandlu tad-doping fl-Olimpjadi ta’ Sochi, kif ukoll kien parti mit-tim li ddeċieda li jipposponi l-Olimpjadi ta’ Tokjo għas-sena d-dieħla. Il-President Thomas Bach għandu ammirazzjoni kbira mill-membri tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali u dan joħroġ fid-dieher fl-appoġġ li jingħata mill-membri kollha meta jressaq proposti differenti. Kemm ilu President, ħafna mill-proposti tiegħu rċevew qbil unanimu, tragward pjuttost diffiċli meta tqis li għandek aktar minn 100 membru involut fil-Kumitat.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA