Tibda l-avventura fil-Brażil għal Denzel Jo Armani

Il-Ħadd wara nofsinhar, akkumpanjat minn missieru, d-DJ popolari Joseph Armani, Denzel Jo ħalla Malta fi triqthu lejn il-Ġermanja biex minn hemm hekk jibda vjaġġ ta’ madwar tnax-il siegħa lejn Rio fil-Brażil.

Denzel Jo se jkun qed jakkumpanja lil wieħed mill-plejers x’ħin jidħlu għall-innijiet nazzjonali qabel il-bidu tas-semi finali tat-Tazza tad-Dinja nhar l-Erbgħa bejn Olanda u Argentina.

Din l-esperjenza għal Denzel Jo setgħet tkun possibli grazzi għall-inizjattiva tal-Mc Donalds Player Escort li għażlet mitt tifel u tifla fost ħafna aktar li applikaw, b’disgħa u disgħin minnhom li kienu escorts waqt il-Kampjonat Ewropew ta’ taħt is-sbatax-il sena tal-UEFA li sar f’pajjiżna f’Mejju li għadda, waqt li Denzel Jo kien it-tifel iffortunat li ntgħażel biex jitla bħala escort għas-semi finali tat-Tazza tad-Dinja bejn Olanda u Arġentina.

L-Erbgha fil-għodu ftit siegħat qabel il-bidu tal-partita f’Sao Paulo, Denzel Jo ikun jaf liema plejer se jakkumpanja barra t-tunnel qabel il-bidu tal-partita.

Sakemm idum il-Brażil, Denzel Jo se jieħu sehem f’numru t’attivitajiet, fosthom mawra nhar it-Tlieta fil-Maracana, fejn nhar il-Ħadd li ġej tintlgħab il-finalissima.

Esperjenza unika għal Denzel Jo, fuq kollox unur ghal pajjiżna, li grazzi għal Mc Donalds, se jkun rappreżentat permezz ta’ dan it-tfajjel waqt is-semi finali prestiġġjuża tat-Tazza tad-Dinja bejn Olanda u Argentina.

Miktub minn...
Rodney Vassallo