Oħrajn
Tibda l-ġimgħa Ewropea tal-isport: “Ejjew naħdmu lkoll flimkien biex l-isport ikun parti mid-DNA tagħna” – Clifton Grima

Fi tmiem il-ġimgħa tibda l-ġimgħa Ewropea tal-isport, attività li ħolqot il-Kummissjoni Ewropea biex tgħin fil-ġlieda favur l-attività fiżika.

L-għan ta’ din il-ġimgħa hu li jasal kemm jista’ jkun il-messaġġ ‘BeActive’, liċ-ċittadini Ewropej. Dan ikun qed iwassal biex l-attività fiżika, issir parti mill-ħajja ta’ kuljum tal-bniedem.

Clifton Grima, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport, qal li l-Gvern qed jaħdem u hu dejjem favur attivitajiet bħal dawn biex kulħadd jieħu sehem f’xi attività fiżika.

“Il-poplu Malti jeħtieġ idaħħal mentalità ġdida biex nibdew ngħixu lkoll flimkien ħajja aktar b’saħħitha. Fil-ħajja, importanti li wieħed iżomm ruħu attiv fl-isport. In-nuqqas ta’ attività twassal għal problemi fiżiċi fuq kulħadd.

“Ejjew naħdmu lkoll flimkien biex l-isport ikun parti mid-DNA tagħna. Il-preżent nafu x’inhu. Ejjew naħdmu biex ikollna futur aħjar,” qal Grima.

Luciano Busuttil, Chairman ta’ SportMalta, qal li SportMalta qed tagħmel ħafna xogħol lokali u kif ukoll internazzjonali.

“Sportmalta qed tagħmel ħafna xogħol mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u ħdimna sew ma’ persuni oħra li ħadmu mal-Presidenza Ewropea.

“SportMalta qiegħda hemm biex taħdem ma’ klabbs u Assoċjazzjonijiet biex flimkien tippromwovi aktar l-isport,” qal Busuttil.

Fl-istess konferenza stampa li saret dalgħodu fil-Pixxina Nazzjonali, f’Tal-Qroqq, tkellem Karl Izzo, kowċ nazzjonali tal-waterpolo.

Izzo qal li jinsab kuntent li jinsab fl-ambjent tiegħu tal-Pixxina Nazzjonali u hu dejjem ta’ pjaċir għalih meta jara jsiru attivitajiet sportivi relatati mal-Pixxina.

“Fl-isport importanti li nagħmlu pubbliċità qawwija biex in-nies jagħmlu attività fiżika tal-inqas għal siegħa kuljum. Malta se jkollha ġimgħa intensiva ħafna,” qal Izzo.

Il-ġimgħa Ewropea tal-isport tibda s-Sibt 23 ta’ Settembru u tintemm fit-30 ta’ Settembru.

 

Miktub minn...
TVM Sport