Olimpijadi TOKYO 2020
Tibda r-relay bit-Torċa Olimpika fil-Ġappun

Bdiet ir-relay bit-Torċa Olimpika li telqet minn Fukushima fi vjaġġ t’erba’ xhur. Dawn l-Olimpjadi ser ikunu l-ewwel li qatt ġew organizzati waqt pandemija u li diġà ġew posposti mis-sena li għaddiet.

Madwar 10,000 sportiv u sportiva ser iġorru t-Torċa Olimpika f’dan il-vjaġġ li fl-aħħar ser jasal f’Tokjo fiċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Olimpjadi. It-Torċa ser tgħaddi minn 47 distrett Ġappuniż differenti, u bdiet minn fejn fl-2011 seħħ diżastru naturali b’terremot qawwi u tsunami li ħallew 20,000 ruħ mejta, u għexieren t’eluf kellhom jiġi evakwati minħabba dħaħen radjoattivi.

L-ewwel parti tar-relay kienet mingħajr spettaturi, u l-organizzaturi qed iħeġġu sabiex dawk li xorta waħda ser joħorġu biex jaraw it-Torċa Olimpika għaddejja, għandhom jilbsu l-maskra, iżommu d-distanzi soċjali u jieħdu l-miżuri neċessarji kontra l-Covid-19 sabiex ma jkunx hemm tixrid tal-virus.

Iċ-ċerimonja tal-bidu tar-relay sar f’J-Village f’Fukushima, fejn membri tat-tim nazzjonali tal-futbol tan-nisa użaw il-fjamma olimpika li kienet waslet mill-Greċja s-sena li għaddiet.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA