Futbol internazzjonali
Tibdil fir-regolamenti tal-futbol

Forsi ftit minnkom jafu li mill-1 ta’ Ġunju 2019 li ġej se jidħlu fis-seħħ tibdiliet fir-regolamenti tal-football, hekk kif ġew approvati mill-IFAB (International Football Association Board) Xi wħud minnhom, huma tassew interessanti.

F’dan l-artiklu se nagħtu ħarsa ħafifa fuq it-tibdil prinċipali li se jkun hemm kif ukoll xi kjarifiki li l-Bord ħass li kellu jagħmel. Dawn id-deċiżjonijiet ġew maqbula waqt il-133 laqgħa ġenerali annwali li saret f’Aberdeen, l-Iskozja fit-2 ta’ Marzu ta’ din is-sena, u wara sentejn ta’ esperimenti madwar id-dinja.

Free-Kicks

Mill-istaġun li ġej meta jkun se jingħata free-kick fil-barriera ma jistax ikun hemm plejers tat-tim li qed jattakka iżda plejers li qed jiddefendu biss. L-ebda plejer tat-team li qed jattakka ma jista’ jersaq viċin il-barriera u jrid ikun tal-inqas metru bogħod minnha, sakemm il-barriera tkun magħmula minn tliet plejers jew aktar. Jekk xi plejer jikser din ir-regola, it-team li qed jiddefendi l-free-kick jingħata free-kick indirett favurih. L-ideja hi li ma jinħelix ħin, barra li meta plejer attakkant jidħol fil-barriera biex itellef, dan mhuwiex fl-ispirtu tal-logħba.

Sostituzzjonijiet  

Plejers li qed jiġu mibdula, iridu joħorġu mill-iktar post viċin it-touchline, biex jiġi evitat telf ta’ ħin. Ġieli meta jkun hemm sostituzzjoni, plejer li qed jinbidel ġie li jeħodha bil-lajma biex jimxi u joħroġ ‘il barra minn nofs il-grawnd.

Għalhekk plejers iridu jaħsbuha darbtejn dwar kif joħorġu mill-pitch, u kif joħorġu jridu jmorru dritt lejn it-technical area jew id-dressing room. Jekk le jistgħu jiġu mwissija mir-referee.

Karti Sofor u Ħomor

Biex tinqata’ l-imġieba ħażina mill-kowċis meta dawn ma jaqblux mar-referee jew mal-kowċ avversarju, ir-referee ikun jista’ juri l-karta safra jew ħamra lil dawn il-kowċis, bħalma jistgħu jagħmlu lill-plejers.

Jekk, per eżempju, tinqala’ xi ġlieda fuq it-touchline, u ma jkunx jista’ jiġi identifikat minn qala’ l-inkwiet, allura jeħel il-kowċ jew il-manager tat-tim li jkun fit-technical area.

Penalties

Ir-regolamenti l-ġodda jrażżnu dak li l-goalkeeper jista’ jagħmel meta jkun se jingħata penalty. Diġa l-goalkeeper ma setgħax joqgħod jiċċaqlaq qabel ma jingħata l-penalty u lanqas ma jista’ joqgħod imiss il-lasti. Issa se tidħol regola ġdida li tgħid li l-goalkeeper irid ikollu tal-inqas sieq waħda fuq il-linja (tal-goal-line).  Barra minn hekk, issa l-plejer li jkun se jagħti l-penalty jista’ jingħata kura ta’ malajr jekk ikun weġġa’.

Handball

Il-Bord ipprova wkoll jiċċara iktar rigward il-handball speċjalment meta l-handball ma jkunx jidher li huwa ntenzjonat. Il-bidliet se jkunu jfissru li gowl mhux se jgħodd jekk il-ballun jaħbat ma’ jdejn plejer qabel jaqbeż il-linja, anke jekk b’mod aċċidentali.

Anke jekk plejer ikun aċċidentalment mess il-ballun b’idu u minnu ħa vantaġġ u spiċċa biex skurja, il-gowl ma jgħoddx. Anzi jingħata free-kick kontra dak il-plejer.

Drop Ball

Ġieli jkun hemm okażżjonijiet meta r-referee ikollu jwaqqaf il-logħob u meta l-logħba tkun se tkompli, r-referee jagħmel dan permezz ta’ drop ball.

Li se jiġri hu li jekk il-logħob kien twaqqaf fil-penalty area, ir-referee se jagħmel drop ball fil-kaxxa u l-goalkeeper ikun jista’ jieħu l-ballun. Jekk il-logħob kien twaqqaf barra l-penalty area, id-drop ball se jingħata mir-referee lill-plejer tat-tim li l-aħħar kien mess il-ballun qabel twaqqaf il-logħob. Fi kwalunkwe każ, il-plejers kollha, ħlief dak li se jkun jirċievi l-ballun, jridu jkunu tal-inqas erba’ metri ‘l bogħod mir-referee.

Goal Kicks

Bħalissa meta jingħata goal kick, il-ballun irid joħroġ mill-penalty area qabel ma plejer jista’ jmiss il-ballun, inkella l-goal kick ikun irid jerġa’ jingħata. Din se tispiċċa. Ir-regolament il-ġdid jgħid li plejer jista’ jmiss il-ballun fil-kaxxa qabel ma l-ballun joħrog mill-penalty area u l-logħob jista’ jkompli.

Miktub minn...
TVM Sport
Aħbarijiet Oħra
Futbol lokali

Sitt plejers tal-Kampjonat BOV Premier ġew sospiżi partita mill-Kummissarju tad-Dixxipplina tal-Malta Football Association. Dawn huma Cain Attard ta’ Birkirkara FC, Zachary Scerri ta’ Gżira United FC, Nemanja Radojevic ta’ Hibernians…

Futbol lokali

St Lawrence Spurs…..1 Sannat Lions………….0 St Lawrence Spurs kisbu rebħa minima fil-finali tal-kompetizzjoni Knock Out tat-Tieni Diviżjoni kontra Sannat Lions biex rebħu dan l-unur wara nuqqas ta’ aktar minn għoxrin…

Futbol internazzjonali

Bejn illejla u għada jintlagħbu t-tieni legs tas-semifinali tal-Coppa Italia. F’San Siro, illejla Milan jilqgħu lil-Lazio wara li fl-Olimpico fl-ewwel leg, il-konfront spiċċa fid-draw ta’ mingħajr gowls. Il-konfront tal-lejla ser…

Futbol internazzjonali

Tottenham H. 1 Brighton 0 Tottenham Hotspur resqu pass eqreb lejn post fil-UEFA Champions League fl-istaġun li ġej meta f’darhom għelbu lill-Brighton bl-iskor ta’ 1-0. Il-gowl kien skurjat fit-88 minuta…

Aktar