Sport Lokali
Tiġrijiet taż-żwiemel: Jittellgħu l-poloz taċ-Chukkas Sette Giugno Cup

Il-Ħadd 4 ta’ Lulju jiġi fi tmiemu l-ewwel parti tal-istaġun 2021 bil-finali tant mistennija għall-klassi Premier iċ-Chukkas Sette Giugno Cup.

Peress li l-istaġun kellu jieqaf għal ftit aktar minn xahrejn minħabba r-restrizzjonijiet imposti mill-Awtorità tas-Saħħa relatati mal-pandemija tal-Covid-19, din is-sena l-finali ma setgħetx issir fis-7 ta’ Ġunju iżda minflok ingħata bidu għall-kampjonat. Filfatt saru seba’ heats fis-6 ta’ Ġunju li fihom ipparteċipaw 71 mill-aqwa żwiemel li bħalissa hawn f’pajjiżna. Dan il-kampjonat qed jinġera fuq id-distanza ta’ 2140m u t-tliet semi finali saru fl-20 ta’ Ġunju sabiex saru magħrufa t-tnax-il finalist li se jkunu qed jissieltu għal din it-tazza.

Ta’ min isemmi li dan il-kampjonat ma kienx sar is-sena l-oħra peress li t-tiġrijiet kienu wieqfa matul ix-xhur t’April, Mejju u Ġunju minħabba l-pandemija.

Interessanti wieħed jinnota li t-tlett iżwiemel li rebħu s-semi finali ta’ dan il-kampjonat għamlu d-debutt tagħhom propju fil-heats ta’ din it-tazza. Il-finali mistennija toffri spettaklu lil dawk kollha li se jkunu qed isegwu it-trasmissjoni diretta fuq il-paġna ta’ Facebook kif ukoll il-kanal YouTube tal-Malta Racing Club. Din tkun it-tmien tiġrija fil-programm u tibda fl-9:40 ta’ filgħaxija.

Preżenti għat-tlugħ tal-poloz, apparti s-sidien taż-żwiemel, kien hemm ukoll iċ-Chairman tal-Malta Racing Club u EquestriMalta l-Imħallef Emeritus Antonio Mizzi u l-membru tal-Kunsill tal-Malta Racing Club Joe Zerafa.

Il-poloz telgħu hekk (fil-parentesi s-sewwieqa tagħhom:

1. BRASIL DE BAILLY (Michael Ellul)

2. ASTER DES CAILLONS (Charles Degiorgio)

3. TACK WEE (Jonathan J. Farrugia)

4. VASCO DE VIETTE (Cliferty Calleja)

5. ANDIAMO DE MONCHEL (Rodney Gatt)

6. ROMANESQUE (Jesmar Gafa’)

7. DUNBAR (Noel Baldacchino)

8. EAGLE B. BUTCHER (Clint Vassallo)

9. CRUSOE D’ANAMA (Charles Camilleri)

10. VINCENT HORSE (Paul Galea)

11. BALZAC DE L’ITON (Marco Refalo)

12. VERTIGE DE CHENU (Julian Farrugia)

Miktub minn...
robert busuttil
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-Isport lokali u internazzjonali. JIkkummenta l-logħob tal-Kampjonat Premier. Jippreżenta l-programm 'Wara d-90Minuta' fuq Radju Malta 2'