Futbol lokali
Tim Nazzjonali Malti U21: Il-partiti kontra l-Moldova ġew ikkanċellati minħabba ristrezzjonijiet marbuta mal-COVID-19

Iż-żewġ partiti li kellu jilgħab it-tim nazzjonali Malti ta’ Taħt il-21 sena kontra l-Moldova fl-aħħar ġimgħa ta’ Marzu ġew ikkanċellati minħabba restrizzjonijiet marbuta mal-COVID-19.

Dawn kienu skedati li jintlagħbu fil-jiem li għaddew fil-Hibernians Stadium f’Kordin, fis-26 u t-30 ta’ Marzu.

L-MFA stħarrġet il-possibiltà li ż-żewġ partiti ta’ ħbiberija jintlagħbu f’pajjiż newtrali imma dan ma kienx possibbli minħabba diversi kriterji differenti.

Issa t-tim nazzjonali Malti ta’ taħt-il 21 sena, immexxi minn Gilbert Agius, mistenni jara dwar possibiltajiet oħrajn bi preparazzjoni għall-partiti ta’ kwalifikazzjoni minn Grupp C tal-Kampjonat Ewropew 2021/2023, li l-finali tagħhom se jintlagħbu fil-Ġorġja u r-Rumanija.

L-avversarji ta’ Malta f’dan il-grupp huma Spanja, is-Slovakkja, il-Litwanja, l-Irlanda ta’ Fuq u r-Russja. Tlieta minn dawn l-avversarji – Slovakkja, Litwanja u l-Irlanda ta’ Fuq kienu wkoll avversarji tat-tim immexxi minn Silvio Vella fl-aħħar kompetizzjoni li intemmet fl-4 ta’ Settembru li għadda b’telfa ta’ 2-0 kontra l-Irlanda ta’ Fuq fis-Centenary Stadium.

Jidher li t-tim nazzjonali Malti ta’ Taħt il-21 Sena jista’ jkun qed jilgħab xi partiti ta’ ħbiberija matul ix-xahar ta’ Ġunju u tezisti l-possibiltà li din l-iskwadra tingħaqad ma’ dik tal-kbar għal kamp ta’ taħrig fl-Awstrija fi tmiem l-istaġun dan l-istaġun. Dan jista’ jsir bi preparazzjoni għall-partiti kompetittivi kontra l-Irlanda ta’ Fuq f’pajjiżna fit-3 ta’ Settembru u għall-partita fir-Russja erbat ijiem wara.

It-tim nazzjonali tal-Moldova ta’ taħt il-21 sena kellu jkun f’pajjiżna għal kamp ta’ tahrig bi preparazzjoni għall-partiti ta’ kwalifikazzjoni minn Grupp E, li jinkludu l-Olanda, l-Iżvizzera, il-Bulgarija, Wales u Ġibiltà. L-ewwel impenn tal-Moldova f’dan il-grupp hija l-partita f’Wales fl-4 ta’ Ġunju.

Miktub minn...
TVM Sport