Tennis
Timmaġinak tilgħab it-tennis ta’ 97 sena?

Li persuna tibqa’ attiva anke meta tikber, hija xi ħaġa rakkomandabbli, iżda li persuna ta’ 97 sena tkun għadha tilgħab, mhijiex aħbar li nisimgħu ta’ kuljum.

Leonid Stanislavskyi huwa Ukren li sal-lum il-ġurnata għadu jilgħab it-tennis, avolja jinsab tliet snin ‘il bogħod milli jagħlaq ċentinarju. Tal-età tiegħu qed tkun diffiċli li jsib ma’ min jikkompeti tamparu.

L-Ukren ilu għal aktar minn nofs seklu jilgħab tennis amatorjali, u fl-aħħar ġimgħat għadu kif kien qed jikkompeti fil-Kampjonati Dinjija u Ewropej tas-seniors. Is-sorpriża hi li anke fl-età kbira tiegħu, Stanislavskyi jirnexxielu jegħleb tennisti ħafn’iżgħar minnu, anke jekk illum m’għadux daqstant żvelt u veloċi biex jiġri fuq il-court.

Leonid Stanislavskyi kellu 30 sena, meta ħabib tiegħu li kien champion tal-ġinnastika introduċih għat-tennis. Minn dakinhar sal-lum baqa’ jitħarrep tliet darbiet fil-ġimgħa f’Kharkiv, fejn jgħix.

Skont Stanislavskyi, it-tennis huwa sport eleganti u tajjeb bħala eżerċizzju fiżiku. Apparti li l-logħba hija sabiħa, l-Ukren jgħid li jkollok kemm ikollok età, tista; tilgħabha.

Stanislavskyi għandu f’idu r-rekord dinji tal-ixjeħ plejer li qatt lagħab tennis, u bħalissa qed jitħarreġ bis-sħiħ sabiex f’Ottubru ta’ din is-sena jieħu sehem fil-Kampjonati Dinjija Super-Seniors li ser isiru f’Mallorca fi Spanja.

Għall-ewwel darba, il-Federazzjoni Internazzjonali tat-Tennis introduċiet il-kategorija tan-90+, wara li l-istess Stanislavskyi bagħat rikjesta sabiex iżidu kategorija mal-oħrajn eżistenti.

Malli jqum filgħodu, Stanislavskyi jibda bi ftit ġinnastika, push-ups u pull-ups. Apparti t-tennis, l-Ukren huwa ppassjonat dwar l-għawm u l-iskiing. Ħolma li s’issa għadu ma wettaqx hija li jaqbeż b’paraxut, għalkemm issa tidher diffiċli ħafna li jagħmilha fl-età ta’ 97 sena. Ħolma oħra li għandu, li forsi hija aktar plawsibli minn ta’ qabilha hi li meta jagħlaq il-100 sena jilgħab kontra l-Iżvizzeru Roger Federer.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA