Futbol internazzjonali
Tinfetaħ l-ewwel knisja Maradonjana fil-Messiku

Fil-Messiku nfetħet l-ewwel knisja ddedikata lil Diego Armando Maradona. Fid-dħul tagħha, żewġ vażuni kbar bil-blalen tal-futbol ġo fihom u b’ritratt ta’ Maradona jilqgħu lil dawk li jżuru din il-knisja.

Ġewwa l-knisja, minflok il-Via Sagra li nsibu fil-knejjes Kattoliċi, hemm ritratti ta’ Maradona, minn tfulitu sa meta ltaqa’ mal-mexxej Kuban Fidel Castro u mal-Papa Franġisku.

Il-knisja nfetħet għall-pubbliku fis-7 ta’ Lulju, fil-belt Messikana ta’ Puebla. L-idea hi li tiġi ċċelebrata r-‘reliġjon’ imwaqqfa fl-Arġentina fl-1998 mill-ammiraturi ta’ Maradona. Ir-reliġjon Maradonjana qiegħda tinxtered f’diversi pajjiżi madwar id-dinja, u s’issa diġà hemm aktar minn nofs miljun li jħaddnu din ir-reliġjon.

Il-plejer ta’ 22 sena Andrea Hernández qal li għal min iħobb il-futbol, hija xi ħaġa verament sabiħa li Maradona jkun rikonoxxut b’dak il-mod, anke fil-Messiku.

Diego Armando Maradona miet f’Novembru tas-sena l-oħra, ftit jiem wara li ċċelebra l-għeluq ta’ 60 sena. Huwa kien protagonist fir-rebħ tat-Tazza tad-Dinja fl-1986 mal-Arġentina, f’edizzjoni li kienet saret fil-Messiku.

Il-knisja Maradonjana fil-Messiku nfetħet minn Marcelo Buchet li qal li issa kien hemm post adekwat fejn in-nies setgħu jitkellmu dwar il-futbol. Buchet qal li din ma kenitx knisja normali kif nafuha, mhux kemm sempliċiment tmur toqgħod bilqiegħda u toqgħod tisma’. Marcelo Buchet sostna li l-għan wara din il-knisja kien li l-poplu jħossu parti integrali, li jkollu sehem f’kollox. Qal li kemm ilha li fetħet il-knisja ra nies jibku, jinżlu għarkupptejhom quddiem ir-ritratti ta’ Maradona u anke jitolbuh. Fi kliemu, “inħossni ħafn’aħjar meta naf li mhux jien biss miġnun.”

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA