Tazza tad-Dinja Qatar 2022
Tinxtegħel bozza ħamra għall-ġurnalisti hekk kif żewġ Norveġiżi kienu arrestati fil-Qatar

Żewġ ġurnalisti tal-istazzjon NRK tan-Norveġja kienu arrestati nhar it-Tnejn li għadda fil-Qatar. Halvor Ekeland u Lokman Ghorbani rritornaw lura f’pajjiżhom wara li nħelsu mill-arrest, kważi 48 siegħa minn meta nqabdu mill-awtoritajiet tal-Qatar.

Fuq it-telefon, ftit minuti wara li nħelsu, Ekeland qal li s-sitwazzjoni kienet waħda diffiċli. Ghorbani u Ekeland kienu qed jirrappurtaw mill-Qatar b’konnessjoni mat-Tazza tad-DInja tas-sena d-dieħla. Huma kienu ppjanati li jitilqu mill-Qatar il-Ħadd filgħaxija u kellhom jaslu lura n-Norveġja t-Tnejn kmieni filgħodu.

Nhar il-Ħadd li għadda fil-Qatar kien hemm ċelebrazzjoni biex tikkommemora s-sena minn meta għandha tibda t-Tazza tad-Dinja 2022.

Id-Direttur tal-istazzjon NRK Thor Gjermund Eriksen qal li jinsabu kuntenti li l-ġurnalisti rritornaw lura d-dar qawwijin u sħaħ. Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Norveġiż ikkonferma li ż-żewġ ġurnalisti kienu arrestati.

L-allarm ingħata meta l-ġurnalisti ma kkuntattjawx lill-istaff editorjali qabel qabdu t-titjira lura lejn in-Norveġja. It-tmexxija tal-istazzjon NRK mal-ewwel bdiet tfittex x’seta’ ġara liż-żewġ ġurnalisti, u rċevew konferma li ma kenux fuq it-titjira li mill-Qatar kellha teħodhom pajjiżhom. Mal-ħin, it-tmexxija tal-istazzjon kienet mgħarrfa li l-ġurnalisti kienu arrestati. Minn hemmhekk indaħlet l-Ambaxxata Norveġiża li hemm Abu Dhabi, fejn bdiet tikkuntattja lill-awtoritajiet tal-Qatar fuq dan il-każ. Jidher li ma tressqu l-ebda akkużi fil-konfront taż-żewġ ġurnalisti.

L-istazzjon NRK qal li fl-ebda ħin ma kienu mgħarrfa għal-liema raġuni l-ġurnalisti kienu arrestati.

Dan il-każ qiegħed jixgħel bozza ħamra għal ġurnalisti oħra li s-sena d-dieħla mistennija jagħmlu l-vjaġġ lejn il-Qatar biex isegwu t-Tazza tad-Dinja.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA