Olimpjadi tax-Xitwa - BEIJING 2022
Tinxtegħel it-torċa olimpika għall-Olimpjadi tax-Xitwa ta’ Beijing 2022 fost protesti

Numru t’attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem ipprotestaw waqt li l-fjamma olimpika nxtgħelet fil-belt t’Olympia, il-Greċja. Il-fjamma nxtgħelet kważi 100 ġurnata ‘l bogħod mill-ftuħ tal-Olimpjadi tax-Xitwa li ser isiru f’Beijing fi Frar tas-sena d-dieħla.

Żewġ nisa u raġel daħlu fl-istadium l-antik u t-tempju t’Olympia fejn tradizzjonalment titqabbad il-fjamma olimpika u kixfu banner bi kliem “Ne Genocide Games.” Barra minn hekk xejru l-bandiera ta’ Tibet sekondi wara li tqabbdet il-fjamma olimpika.

Il-President Grieg Katerina Sakellaropoulou kienet preżenti għaċ-ċerimonja.

Beijing ser tkun l-ewwel belt kapitali li ser tospita l-Olimpjadi tas-sajf u tax-xitwa, biss il-protesti minn attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem qed ixekklu xi ftit il-preparamenti għal dan l-avveniment ta’ Frar li ġej.

Qabel u matul iċ-ċerimonja seħħew xi arresti mill-pulizija t’Ateni, wara li attivisti ppruvaw jiksbu aċċess għal fejn kien hemm id-dinjitarji miġbura.

Din kienet it-tieni darba mill-Olimpjadi tal-2008, li wkoll kienu sar f’Beijing, li ċ-ċerimonja tat-tqabbid tat-torċa olimpika kienet imtappna minn protesti t’attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA