Olimpijadi TOKYO 2020
Tirritorna Simone Biles u tirbaħ il-bronż

Il-ġinnasta Amerikana Simone Biles irritornat għall-kompetizzjoni u rnexxielha tirbaħ il-bronż fil-balance beam. Għalkemm l-Amerikana spiċċat it-tielet, kienet hi li ġibdet l-attenzjoni ta’ kulħadd wara li wriet determinazzjoni u kuraġġ sabiex tikkompeti, avolja kienet qed tbati mill-kundizzjoni ‘twisties.’ Għal Simone Biles din kienet rebħa wara li rnexxielha tegħleb l-isfida mentali.

Il-finali tal-ġinnastika ntrebħet miċ-Ċiniża Guan Chenchen, filwaqt li l-kompatrijotta tagħha Tang Xijing rebħet il-bronż.

 

Fil-horizontal bar tal-irġiel, suċċess għall-Ġappuniż Daiki Hashimoto li rebaħ id-deheb, filwaqt li l-Kroat Tin Srbic rebaħ il-fidda. Nikita Nagorny tal-Kumitat Olimpiku Russu rebaħ il-bronż.

 

Fil-qbiż individwali u sinkronizzat, suċċess doppju għaċ-Ċiniż Siyi Xie li rebaħ id-deheb minn 3 metri għoli. B’hekk huwa rebaħ tnejn deheb f’kompetizzjonijiet differenti, tragward li kien ilu ma jintlaħaq mill-Olimpjadi ta’ Sydney fl-2000. Il-kompatrijott ta’ Xie, li għad għandu 19-il sena, rebaħ il-fidda filwaqt li l-Brittaniku Jack Laugher rebaħ il-bronż. Id-dominju taċ-Ċina fil-qbiż huwa wieħed mill-aqwa, meta fl-aħħar seba’ edizzjonijiet tal-Olimpjadi, huma rebħu 37 midalja tad-deheb f’din id-dixxplina minn possibilment 48.

 

Fil-boxing tal-irġiel, fil-kategorija tal-heavyweight, kien ir-Russu Musa Evloev li rebaħ id-deheb f’isem il-Kumitat Olimpiku Russu. L-Armen Artur Aleksanyan rebaħ il-fidda u l-Pollakk Tadeusz Michalik flimkien ma’ Mohammadhadi Saravi tal-Iran rebħu l-bronż.

Fil-kategorija welterweight, deheb għall-Ungeriż Tamas Lorincz, b’Akzhol Makhmudov tal-Kirgiżistan jirbaħ il-fidda u l-Ġappuniż Shohei Yabiku u l-Ażeri Rafig Huseynov rebħu l-bronż.

 

Fis-semifinali tal-hockey, l-Awstralja għelbu lill-Ġermanja 3-1, biex issa fil-finali jilagħbu kontra l-Belġju.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA