Local Sports
Titnieda t-18-il edizzjoni ta’ ‘Summer on the Move’ organizzata minn SportMalta

Għal sena oħra, SportMalta nediet it-18-il edizzjoni tal-programm Summer on the Move li se jkun offrut bejn Lulju u Settembru li ġej, b’konformità mal-miżuri maħruġa minn SportMalta u l-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Permezz ta’ dan il-programm SportMalta qed tkompli tħajjar il-parteċipazzjoni sportiva fil-pajjiż. Dan il-programm hu mifrux għall-etajiet kollha u se jkun qed jilqa’ fih madwar 1,500 applikazzjoni. L-attivitajiet sportivi se jkunu qed isiru madwar il-pajjiż kollu fejn SportMalta għandha l-faċilitajiet sportivi.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima qal dan il-proġett se jkun qed jammonta għal iktar minn 4,220 sessjoni fil-ġimgħa għal 35 dixxiplina sportiva differenti u li se jkunu mmexxija minn iktar minn 220 għalliem u kowċ ikkwalifikat u li huma dedikati biex joffru servizz ta’ kwalità.

Ic-Chairman ta’ SportMalta, Luciano Busuttil, qal li dan il-programm hu maħsub biex iħajjar dejjem aktar lil poplu jiċċaqlaq u jagħmel l-attività fiżika , filwaqt li jemmen li kulħadd għandu jkollu aċċessibilità għall-isport.

Robert Portelli, Head of Programmes ta’ SportMalta, qal li jinsab sodisfatt ħafna bin-numri inkoraġġanti li qed ikollha SportMalta fejn jidħlu dawn il-proġetti u qal li dan hu messaġġ ta’ tama li l-isport kien u se jibqa’ għaddej minkejja d-diffikultajiet li kellna bil-pandemija.

L-attivitajiet sportivi offruti huma varji: minn football, basketball u ġinnastika, għall-karting, arti marzjali, sport akwatiku; għawm, waterpolo u ibburdjar fost oħrajn, u l-applikazzjoni għal Summer On the Move 2021 tista’ titniżżel mis-sit uffiċjali ta’ SportMalta

Miktub minn...
TVM Sport