Tkompli l-mixja trijonfali Pawlista

Kampjonat BOV Premier 2014/15

Hibernians…………..5

Floriana………………0

RAPPORT ROBERT BUSUTTIL

Fil-partita ta’ prinċipali ta’ tmiem il-ġimgħa, Hibernians għelbu lil Floriana bl-iskor ta’ 5-0.

Kienet meqjusa bħala l-partita tal-ġimgħa. Żewġ timijiet b’differenza ta’ 17-il punt fil-klassifika.

Iż-żewġ kowċis rispettivi, Giovanni Tedesco għal Floriana u Branko Nisevic għal Hibernians kellhom l-iskwadri tagħhom b’moral għoli wara li t-timijiet tagħhom rebħu l-aħħar konfronti fil-Kampjonat.

Hibernians li kellhom lil Timothy Tabone Desira u Scott Chircop nieqsa minħabba injury.

Nisevic ippjana sistema ta’ 3-5-2 bil-ponot prinċipali Tarabai u Jorginho imexxu l-attakk Pawlist.

Floriana ma kellhom l-ebda problema fil-formazzjoni ta’ Giovanni Tedesco li ħejja metodu ta’ 4-1-4-1 bi Plut l-aktar plejer avvanzat.

Fl-ewwel rawnd, Hibernians kienu rebħu lil Floriana 3-0.

Għaddew 180 sekonda jew aħjar 3 minuti logħob u Hibernians mill-ewwel minn fuq.

Kien korner tajjeb ta’ Failla, id-difiża ta’ Floriana statika, japprofitta Edison dos Santos Tarabai li mill-viċin xeħet wara Valerio Senatore għal 1-0 favur Hibs.

Ħames minuti wara, il-Pawlisti għamluhom 2 meta kross li ma tantx deher daqshekk perikoluż ta’ Johan Bezzina, id-dipartiment difensiv Furjaniż għal darb’oħra fraġli, sabiex Tarabai qassam lejn Jorginho li minkejja li ssikkat minn Bonnici, irnexxielu jiżgiċċa sabiex tefa’ fix-xibka.

Fl-34 minuta, xutt ta’ Matteo Piciollo għal Floriana iżda l-ballun spiċċa barra mil-lasti ta’ Bonello.

Tliet minuti wara, Floriana viċin li jiskorjaw meta Scicluna qassam lejn Clyde Borg li tfixkel xi ftit fil-ballun u naqas li jikkontrolla sabiex Bonello jsalva.

Fil-41 minuta, żball ieħor tad-difensuri Furjaniżi, jaħrab bil-ballun Clayton Failla li jara l-ewwel xutt tiegħu milqugħ minn Senatore pero’ mat-tieni darba l-istess Failla ma jaħfirx sabiex għaqqad it-tlieta għal Hibernians.

L-ewwel taqsima tagħlaq b’Hibs fil-vantaġġ 3-0.

Seba’ minuti mill-bidu tat-tieni taqsima, Hibernians skorjaw il-poker meta Tarabai għadda tajjeb lejn Jorginho li minn qagħda tajba dar u b’xutt qawwi għeleb lil Senatore.

65 minuta l0għob u l-Pawlisti jiskorjaw il-ħames gowl meta frikik preċiż ta’ Clayton Failla sab lil Andrew Cohen li bir-ras antiċipa lil kulħadd u xeħet fix-xibka sabiex Senatore ġabar il-ballun għal ħames darba f’din il-logħba.

Wara dan il-gowl ir-ritmu tal-partita naqas xi ftit, b’Hibernians jkomplu jikkonfermaw is-supremazija tagħhom fil-Kampjonat.

BOV Plejer tal-Logħba kien Edison Luis dos Santos ta’ Hibernians.

Referi kien Trustan Farrugia Cann.

RITRATT: JOE BORG10710532_833384840017925_337854236124932271_n

Miktub minn...
TVM Sport
.