Futbol internazzjonali
Tkompli t-tfittxija għal interim manager mir-Red Devils … Ernesto Valverde l-isem li jmiss fuq il-lista

Manchester United qed jitkellmu m’Ernesto Valverde fit-tfittxija għal interim manager sa tmiem l-istaġun. Jidher li Valverde kien it-tielet fil-lista tal-Glazers, biss rapporti fil-midja Ingliża qed jgħidu li t-tmexxija tar-Red Devils qed titkellem ma’ numru ta’ coaches.

Wara li Zinedine Zidane m’aċċettax l-offerta, għajnejn il-familja Glazer daru fuq Mauricio Pochettino, il-kowċ ta’ Paris Saint-Germain. L-Arġentin għandu esperjenza tal-Premier League minn meta kien imexxi lil Tottenham Hotspur, biss il-Pariġini m’aċċettawx l-avvanzi minn Manchester United u waqqfu l-proċess. L-istess Pochettino, fil-konferenza tal-aħbarijiet tal-bieraħ, ġurnata qabel PSG jilagħbu kontra Manchester City, ċaħad kull spekulazzjoni li ser jingħaqad mar-Red Devils u kkonferma li jinsab kuntent fil-kapitali Franċiża.

Minħabba f’hekk it-tmexxija t’Old Trafford dawret ħarsitha fuq Ernesto Valverde, ex kowċ ta’ Barcelona. Valverde ilu bla xogħol mindu tkeċċa mit-tim Katalan f’Jannar tas-sena li għaddiet, u fil-perjodu li għamel fin-Nou Camp rebaħ żewġ La Liga u t-Tazza tar-Re. Dawn l-unuri rebaħhom f’sentejn u nofs, filwaqt li fil-passat rebaħ tliet darbiet il-kampjonat Grieg m’Olympiacos.

Matul il-karriera tiegħu, Valverde, li llum għandu 57 sena, ikkowċja lil Athletic Bilbao, Villarreal, Valencia u Espanyol.

Minbarra Valverde qed jissemma’ wkoll Erik ten Hag, il-kowċ t’Ajax. S’issa t-tmexxija tar-Red Devils għadha m’għamlitx kuntatt miegħu, biss jekk ma jaslux ma’ Valverde ma tkunx sorpriża li jagħmlu kuntatt m’Ajax biex ikellmu lil ten Hag.

Manchester United ikkwalifikaw għar-Round tas-16 tal-UEFA Champions League, għaldaqstant jistgħu jappellaw aktar għal manager ta’ stoffa. S’issa t-tim qed jieħu ħsiebu l-assistant manager Michael Carrick, li permezz tas-sostituzzjonijiet li għamel fil-logħba kontra Villarreal irnexxielu joħroġ lit-tim rebbieħ.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA