Futbol lokali
Tliet telfiet għaż-żgħażagħ Maltin

Wara d-dro sodisfaċenti f’Ċipru tat-tim nazzjonali A, illum kien jum riservat għat-timijiet nazzjonali Under-21, Under-19, u Under-17, iżda sfortunatament it-timijiet Maltin sofrew tliet telfiet.

It-tim ta’ taħt il-21 sena immexxi minn Gilbert Agius sofra telfa ta’ 0-4 fis-Slovakkja, żewġ gowls f’kull taqsima biex b’hekk it-tim Malti baqa’ bi tliet punti grazzi għar-rebħa ta’ 4-1 fuq l-Irlanda ta’ Fuq fl-ewwel logħba tal-Grupp.

It-tim ta’ taħt id-19-il sena temm l-impenji tiegħu fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni li ntlagħab fil-Polonja, b’telfa minima ta’ 0-1 kontra l-Finlandja. L-istess Finlandja u l-Ukrajna għaddew minn dan il-grupp, filwaqt li bit-telfa tal-lum Malta temmet fl-aħħar post mingħajr ebda punt.

Anki t-tim nazzjonali ta’ taħt-is-17-il sena temm l-impenji tiegħu fl-aħħar post mingħajr ebda punt meta llun sofra t-tielet telfa kontra Montenegro 0-3. Il-logħbiet kollha f’dan il-grupp intlagħbu fit-Tony bezzina Stadium Kordin. Kontra Montenegro Malta sofriet it-tliet gowls fit-tieni taqsima.

Miktub minn...
Chris Cassar