Futbol internazzjonali
Tliet timijiet Maltin fl-azzjoni llejla fil-UEFA Europa Conference League – il-logħbiet ta’ Gżira United u Mosta fuq TVM2

Illejla, tliet timijiet Maltin tal-futbol jistgħu jiktbu l-istorja jekk kollha kemm huma jgħaddu għat-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League. Jekk Gżira United, Birkirkara u Mosta kollha jagħmluha għar-rawnd li jmiss, jingħaqdu ma’ Hibernians fit-tieni rawnd ta’ din il-kompetizzjoni ġdida tal-UEFA.

 

Gżira United – Sant Julia (agg. 0-0)

Ser ikunu Gżira United li jagħtu bidu għall-konfronti tal-lejla fejn hemm timijiet Maltin. Il-Maroons ser jaffaċċjaw lil Sant Julia t’Andorra, u wara li fl-ewwel leg l-iskor baqa’ 0-0, hemm ottimiżmu fil-clan Gżirjan li llejla jistgħu jagħmluha. Dan wara li l-ġimgħa li għaddiet it-tim ta’ Gżira rnexxielu jżomm draw lil avversarji li lagħbu logħba fiżika ħafna, u b’tattika tajba u aktar aggressività min-naħa tal-Maroons, jistgħu jagħmluha għat-tieni rawnd.

Dan il-konfront ser jibda fit-20:00 u l-logħba ser tintwera diretta fuq TVM2.

 

Spartak Trnava – Mosta (agg. 2-3)

Fl-Islovakkja, Mosta jiltaqgħu kontra Spartak Trnava, f’konfront li jista’ jitqies diffiċli iżda mhux impossibbli għall-Mostin. Din hija l-ewwel esperjenza għal Mosta f’kompetizzjoni Ewropea u fl-ewwel leg fis-Centenary Stadium deher li ser ikollhom passaġġ faċli għat-tieni rawnd wara li sal-ewwel 35 minuta kienu diġà 3-0 minn fuq. Spartak Trnava daħlu fil-logħba billi skurjaw darbtejn, u b’hekk id-differenza ta’ gowls niżlet għal wieħed biss.

Dan il-konfront ser jibda fid-20:45 u ser ikun streamed live fuq il-portal tvm.com.mt/sport. Barra minn hekk, wara li jintemm il-konfront bejn Gżira United u Sant Julia, ser jibda jintwera dan il-konfront fuq TVM2, jiġifieri għall-ħabta tal-22:00 sakemm il-logħba tal-Maroons ma tmurx għall-ħin barrani.

 

La Fiorita – Birkirkara (agg. 0-1)

Birkirkara jinsabu San Marino fejn illejla fid-20:45 ser jilagħbu kontra La Fiorita. Il-gowl ta’ Yankam kien id-differenza fl-ewwel leg fis-Centenary Stadium il-ġimgħa li għaddiet. Il-kowċ Paus qed jittama li La Fiorita jattakkaw biex jiskurjaw il-gowls li għandhom bżonn u hekk jinfetħu aktar fuq wara, bil-Karkariżi jkunu lesti biex japprofittaw mis-sitwazzjoni u jagħmluha għar-rawnd li jmiss. Jidher li Birkirkara m’għandhom l-ebda problema fit-tim, u allura mistennija jkollhom l-aħjar skwadra għal-logħba tal-lejla.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA